Ħtieġa ta’ aktar għarfien u riċerka dwar il-Parkinson’s
Sarah Bajada żżur iċ-Ċentru ta’ Terapija ta’ Step Up for Parkinson’s
Hekk kif April huwa x-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kundizzjoni tal-Parkinson’s, Sarah Bajada żaret iċ-Ċentru ta’ Terapija ta’ Step Up for Parkinson’s, fejn iltaqgħet mal-professjonisti, voluntieri u persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni.
Fost l-oħrajn, fil-klinika li tinsab fi ħdan il-Mediterranean Brain & Spine Centre fin-Naxxar, hi ltaqgħet ma’ membri tal-bord u l-istaff ta’ din l-organizzazzjoni volontarja li tgħin lil dawk li għandhom din il-kundizzjoni newroloġika progressiva, li taffettwa l-moviment u tista’ twassal ukoll għal diversi sintomi oħrajn li mhux bilfors ikunu marbutin direttament mal-moviment.
Wara li ltaqgħet mal-bord ta’ din l-organizzazzjoni volontarja, Sarah Bajada ltaqgħet ukoll mal-parteċipanti li kienu qed jieħdu sehem f’waħda mis-sessjonijiet ta’ Specialised Movement Classes li din l-organizzazzjoni volontarja tipprovdi minngħajr ħlas f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Sarah Bajada, li kienet akkumpanjata mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni Graziella Galea, innutat kif inizjattivi bħal dawn huma kruċjali biex jiżdied l-għarfien, jissaħħaħ l-appoġġ lejn dawk affettwati u titkompla l-promozzjoni tar-riċerka u s-servizzi meħtieġa.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Step Up for Parkinson’s Alexander Arena spjega li kif jgħid il-motto tagħha “Għal Ħajja Aħjar”, l-organizzazzjoni taħdem biex tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawn il-persuni waqt li twassal il-messaġġ dwar l-importanza ta’ approċċ olistiku li jindirizza l-isfidi kemm fiżiċi kif ukoll emozzjonali ta’ dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni.
Din iż-żjara serviet ukoll bħala opportunità biex jiġi enfasizzat ir-rwol importanti li għandhom dawn iċ-ċentri u anke biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-Parkinson’s u l-bżonnijiet tal-persuni b’din il-kundizzjoni u l-professjonisti li jipprovdulhom il-kura. Sarah setgħet tifhem aħjar u mill-qrib l-esperjenzi u l-isfidi li jaffaċċjaw dawn il-persuni u l-familji tagħhom.
Preżenti waqt iż-żjara kien hemm fost l-oħrajn l-Ambaxxatur tal-Parkinson’s f’pajjiżna Adrian Casha u David Borda li t-tnejn għandhom din il-kundizzjoni, u t-tnejn li huma kienu ġew ippremjati bil-Premju Formidabbli – rikonoxximent li jingħata kull sena mill-PN lil persuni li minkejja li jkollhom xi impediment, jirnexxilhom isarrfu l-isfidi tagħhom f’opportunitajiet b’ħidma volontarja għall-ġid tal-komunità.
23.04.2026




