Hu obbligu tagħna li naraw li l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità
AĦBAR

Hu obbligu tagħna li naraw li l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur Casa San Paolo f’Buġibba mmexxija minn CareMalta; jawgura lil Giuseppa Frendo li għalqet 103 snin

Djar bħal Casa San Paolo huma eżempju ta’ kif anke grazzi għal residenzi bħal dawn, l-anzjani tagħna jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità.

Waqt żjara fir-residenza tal-anzjani mmexxija minn CareMalta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li din hi fil-fatt parti mill-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li fil-gvern ħadem qatigħ biex infetħu residenzi li jagħtu lill-anzjani mhux biss dar imma wkoll komunità li fiha jistgħu jibqgħu attivi.

Huwa faħħar il-ħidma ta’ dawk kollha li jieħdu ħsieb lil min jgħix f’residenzi bħal dawn u li permezz tagħhom l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Alex Borg kellu ċ-ċans jawgura lil Giuseppa Frendo li ċċelebrat għeluq il-103 snin tagħha, flimkien mal-anzjani l-oħra ta’ Casa San Paolo u xtaqilha aktar saħħa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta James Sciriha qal li fid-disat idjar li jopera l-Grupp, huma jenfasizzaw l-anzjanità attiva u jorganizzaw attivitajiet differenti kemm fir-residenza stess imma anke barra bħal żjarat kulturali f’mużewijiet u postijiet storiċi u żjarat ta’ divertiment biex ir-residenti jibqgħu mhux biss igawdu l-ħajja imma anke jibqgħu jitgħallmu anke fl-anzjanità.

James Sciriha qal li l-fatt li l-anzjani qed jgħixu aktar ifisser li aktar anzjani qed jirrikorru għal residenzi biex ikollhom post sigur fejn jistgħu jserrħu rashom li se jingħataw mhux biss l-attenzjoni li jixtiequ imma anke komunità li jistgħu jintegraw fiha.

Nazzareno Vassallo, il-fundatur ta’ Vassallo Group li minnu tagħmel parti CareMalta, laqa’ lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li kienet tinkludi wkoll lix-Shadow Miniser għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Paul Mazzola.

Flimkien mal-Kap tal-PN Alex Borg huma kellhom iċ-ċans jiltaqgħu kemm mal-ħaddiema tar-residenza kif ukoll ma’ ħafna mill-anzjani residenti.

23.04.2026