Il-fondi Ewropej għandhom ikunu għodda konkreta biex intejbu l-ħajja tan-nies
AĦBAR

Il-fondi Ewropej għandhom ikunu għodda konkreta biex intejbu l-ħajja tan-nies

Il-fondi Ewropej huma għodda kruċjali, iżda waħedhom ma jagħmlu xejn. Jeħtieġu direzzjoni, viżjoni u tmexxija tajba biex verament jaslu għand in-nies u jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom.

Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza konferenza dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew organizzata mill-MEP David Casa

Il-fondi Ewropej huma għodda kruċjali, iżda waħedhom ma jagħmlu xejn. Jeħtieġu direzzjoni, viżjoni u tmexxija tajba biex verament jaslu għand in-nies u jagħmlu differenza fil-ħajja tagħhom.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt id-diskors tiegħu fl-għeluq tal-konferenza “Shaping the Future of the European Social Fund”, organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa fil-Grand Hotel Excelsior, fil-Furjana.

Alex Borg qal li konferenzi bħal dawn huma essenzjali għax joħolqu spazju fejn policymakers, professjonisti, għaqdiet volontarji u oħrajn jistgħu jisimgħu lil xulxin, jitgħallmu minn xulxin u flimkien joħolqu soluzzjonijiet li jaħdmu fil-prattika.

Hu qal li qabel ma tittieħed deċiżjoni, wieħed irid jifhem ir-realtajiet tan-nies. Għalhekk, il-konsultazzjoni hi fundamentali biex il-politika tkun aktar realistika, aktar effettiva u aktar qrib ta’ dawk li għandhom bżonn l-appoġġ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-organizzazzjonijiet, lill-professjonisti u lill-voluntieri preżenti għall-ħidma tagħhom, li ħafna drabi ssir mingħajr ħafna rikonoxximent iżda tħalli impatt reali fuq il-ħajja tan-nies biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom, ta’ familji biex isibu appoġġ u biex il-komunitajiet jissaħħu.

Il-Kap tal-PN irrefera b’mod partikolari għall-ħidma ta’ organizzazzjonijiet bħal Caritas Malta u l-ħidma tagħha ma’ persuni li għaddejjin minn diffikultajiet serji, kif ukoll għall-Fondazzjoni Inspire u l-ħidma tagħha favur persuni b’diżabbiltà. Qal li dawn huma eżempji ħajjin ta’ dak li jista’ jsir meta s-soċjetà tagħżel li ma tħalli lil ħadd lura.

Hu rringrazzja wkoll lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa għall-ħidma kontinwa tiegħu fuq kwistjonijiet soċjali u għar-rwol ċentrali tiegħu fin-negozjati dwar il-Fond Soċjali Ewropew fil-qafas finanzjarju attwali.

Alex Borg qal li l-Fond Soċjali Ewropew huwa wieħed mill-aktar strumenti importanti li għandna għax jinvesti direttament fin-nies: fl-istudenti biex jingħataw opportunità jkomplu jistudjaw, fiż-żgħażagħ biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol b’aktar kunfidenza, fil-ħaddiema biex itejbu l-ħiliet tagħhom, f’persuni li jkunu ilhom barra mis-suq tax-xogħol biex jingħataw ċans ġdid, f’persuni b’diżabbiltà u f’familji vulnerabbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li Malta għandha bżonn vuċi b’saħħitha fl-Ewropa. Vuċi li tifhem ir-realtajiet tal-pajjiż, li taf x’għandna bżonn u li kapaċi tinfluwenza d-deċiżjonijiet biex il-fondi jkunu aktar effettivi, aktar immirati u aktar qrib tan-nies.

Tenna li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika soċjali b’saħħitha. Politika li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, tħares lejn il-bżonnijiet reali u tagħti riżultati konkreti. Fakkar li l-pajjiż qed jiffaċċja sfidi kbar, bħall-għoli tal-ħajja li qed tagħfas fuq il-familji, iż-żgħażagħ li qed isibu diffikultajiet biex jibnu futur u ħafna nies li qed iħossuhom jitħallew lura.

Lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali u fil-komunità, Alex Borg wasslilhom messaġġ ċar: il-Partit Nazzjonalista jinsab magħhom, qed jismagħhom u jrid jaħdem magħhom, kemm fl-Ewropa bil-ħidma fuq il-fondi Ewropej, kif ukoll f’Malta b’politika li tagħti prijorità lin-nies.

Il-Kap tal-PN temm jgħid li Malta għandha bżonn direzzjoni ċara u tmexxija li tagħti prijorità lin-nies biex flimkien nibnu pajjiż aktar ġust, aktar inklussiv u aktar b’saħħtu.

08.05.2026