Il-ġimgħa li għaddiet smajna l-Budget, ilbieraħ il-Kap tal-PN staqsa dak li qed jistaqsu n-nies, illum il-Prim Ministru ma ta l-ebda risposta
Il-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija li tikber fil-kwalità, mhux biss fin-numri; pajjiż li joffri kwalità ta' ħajja aħjar, mhux aktar pressjoni fuq in-nies. Gvern li jisma', jifhem u jaġixxi mhux Gvern li jiftaħar bis-suċċessi tiegħu waqt li jinjora t-tħassib taċ-ċittadini.
Il-ġimgħa li għaddiet smajna l-Budget tal-Gvern. Ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għamel il-mistoqsijiet li qed jagħmlu n-nies, il-ħaddiema u n-negozji madwar Malta u Għawdex. Illum, fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Robert Abela kellu l-opportunità li jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet u joffri direzzjoni ċara lill-pajjiż. Iżda naqas milli jagħmel dan.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela reġa’ kkonferma dak li kien diġà wera barra l-Parlament wara l-Budget: Gvern li minflok jgħaqqad, jifred. Politika ta’ aħna u huma. Diskors mibni fuq il-konfrontazzjoni bejn in-negozji u l-ħaddiema, bħallikieku s-suċċess ta’ wieħed irid jiġi għad-detriment tal-ieħor. Din hi mentalità żbaljata li ma tagħmilx ġid lill-ekonomija u lanqas lis-soċjetà tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħaddiema u n-negozji mhumiex għedewwa ta’ xulxin. Għall-kuntrarju, huma msieħba fl-istess ekonomija, jiddependu minn xulxin u għandhom bżonn lil xulxin biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Mingħajr negozji b’saħħithom ma jkunx hemm impjiegi ta’ kwalità, u mingħajr ħaddiema li jingħataw kundizzjonijiet u pagi ġusti ma jkunx hemm ekonomija b’saħħitha. Malta għandha bżonn ekonomija li toħloq il-ġid u li l-ġid jasal għand kulħadd.
Iżda f’diskors mimli pompa u kliem sabiħ, il-Prim Ministru ma indirizzax il-problemi reali li qed jiffaċċjaw in-nies ta’ kuljum.
Ma semmiex it-tbatija tal-familji quddiem l-għoli tal-ħajja. Ma ta l-ebda direzzjoni konkreta dwar it-traffiku li qed jisraq sigħat mill-ħajja tan-nies. Ma spjegax kif se jindirizza l-isfida tal-popolazzjoni li qed tikber b’pass li qed ipoġġi pressjoni dejjem akbar dwar l-infrastruttura u s-servizzi tagħna. Ma offriex tweġibiet konkreti dwar il-kompetittività u l-għajnuna li jeħtieġu n-negozji, kif ukoll lanqas dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u l-futur ta’ wliedna.
Mhux ta’ b’xejn li, wara l-Budget, l-imsieħba soċjali ressqu mistoqsijiet u esprimew it-tħassib tagħhom. Dawn huma mistoqsijiet li jirriflettu t-tħassib ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema u tal-familji Maltin u Għawdxin. Minflok ma semagħhom u wieġeb għalihom, Robert Abela għażel li jinjorahom.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tenna li kien qed jistenna mingħand Robert Abela direzzjoni ċara għal dan il-pajjiż. Iżda Malta ma tistax tkompli tgħix minn Budget għal ieħor mingħajr viżjoni fit-tul u mingħajr soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum.
Alex Borg wassal messaġġ differenti: messaġġ ta’ għaqda bejn kull sezzjoni tas-soċjetà Maltija. Pajjiżna ma jistax ikompli jinqasam bejn min iħaddem u min jaħdem jew bejn settur u ieħor. Il-futur ta’ Malta għandu jkun mibni fuq il-kollaborazzjoni, ir-rispett u l-opportunitajiet għal kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija li tikber fil-kwalità, mhux biss fin-numri; pajjiż li joffri kwalità ta’ ħajja aħjar, mhux aktar pressjoni fuq in-nies. Gvern li jisma’, jifhem u jaġixxi mhux Gvern li jiftaħar bis-suċċessi tiegħu waqt li jinjora t-tħassib taċ-ċittadini.
Malta għandha bżonn direzzjoni mhux diviżjoni. Għandha bżonn soluzzjonijiet mhux diskorsi fierħa. U fuq kollox, għandha bżonn tmexxija li taħdem għal kulħadd.
03.11.2026