Il-ġuri kkonferma kemm kellha raġun l-Inkjesta Pubblika
AĦBAR

Il-ġuri kkonferma kemm kellha raġun l-Inkjesta Pubblika

Huwa inaċċettabbli li l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh milli jipprova jirrettifika sitwazzjoni li llum qed tinkwieta mhux lil settur wieħed tal-poplu imma lil kull min għandu għal qalbu, bil-fatti u mhux bil-kliem, il-ġustizzja u l-verità.

Ir-responsabbiltà kollha tibqa’ fuq spallejn Robert Abela u l-Gvern tiegħu; l-Oppożizzjoni se tkompli bil-pressjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati; il-PN jistaqsi Abela hux komdu bl-allegazzjonijiet kunfliġġenti li Kastilja kienet taf bl-assassinju

L-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienet korretta u t-tliet imħallfin kellhom kull raġun meta sabu li l-Istat kien responsabbli biex ħoloq il-kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione flimkien max-Shadow Minister Darren Carabott u l-Kelliem tal-PN George Vital Zammit waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha dalgħodu spjegaw kif dak li ħareġ minn dan il-ġuri kompla saħħaħ dak li sabet l-inkjesta, fosthom ir-rabtiet mill-qrib bejn negozjanti u politiċi, u n-nisġa ta’ kriminalità organizzata mal-poteri u ċ-ċirku politiku.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li dan kollu għandu jiġi indirizzat immedjatament mill-Gvern billi jimplimenta llum qabel għada r-rakkomandazzjonijiet li sa issa Abela u sħabu ħallew fuq l-ixkaffa għal ħames snin.

Huwa inaċċettabbli li l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh milli jipprova jirrettifika sitwazzjoni li llum qed tinkwieta mhux lil settur wieħed tal-poplu imma lil kull min għandu għal qalbu, bil-fatti u mhux bil-kliem, il-ġustizzja u l-verità.

Mill-Qorti ħareġ mhux biss verdett imma anke sentenza li talbet b’mod l-aktar ċar li l-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga dak li ntqal taħt ġurament. Dan waħdu hu sinjal ċar li l-Qorti temmen li kien hemm min ħawwad u pprova jxekkel milli toħroġ il-verità. Dan huwa l-mument tal-prova għall-istituzzjonijiet tagħna.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ixxandru numru ta’ clips mid-dikjarazzjonijiet ta’ Yorgen Fenech waqt l-interrogazzjoni mal-Pulizija li matulhom għamel allegazzjonijiet b’saħħithom ħafna fil-konfront ta’ persuni f’Kastilja – fosthom dwar Keith Schembri – li qal li ried li tinqatel Daphne u li kollox beda minnu, u Joseph Muscat – li qal li kien jaf b’kollox. Fenech semma wkoll każijiet ta’ korruzzjoni ta’ miljuni ta’ ewro li jinvolvu proġetti kbar.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi jekk Robert Abela għadux komdu bl-allegazzjonijiet kunfliġġenti li Kastilja kienet taf bl-assassinju, jekk hux komdu li fl-aħħar elezzjoni numru ta’ kandidati Laburisti kellhom lil Joseph Muscat bħala mistieden ewlieni fl-attivitajiet tagħhom u x’inhi r-raġuni vera għalfejn Abela sejjaħ elezzjoni sena qabel żmienha.

Abela jaf li fi ħdanu għad għandu elementi li attakkaw kemm lil Daphne Caruana Galizia kif ukoll lil uliedha u lil dawk il-membri tas-soċjetà li tkellmu favur il-ġustizzja f’dan il-każ.

Robert Abela jidher li għadu komdu li għad għandu nies bħal Neville Gafà li ta’ kuljum jattakka bl-aktar mod oxxen mhux biss lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia imma wkoll lil kull min jazzarda jikkritika lil xi membri tal-Gvern Laburista li għandhom il-barka tiegħu. Jidher komdu wkoll li l-Ministru tal-Intern huwa l-istess bniedem li għal snin sħaħ mexxa kampanja ta’ mibegħda fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u li l-Ministru responsabbli mix-xandir tal-lum qed ikompli fejn ħalla ta’ qablu, u saħansitra qed jitfa’ dubju fuq ir-raġuni li għaliha nqatlet Daphne.

Mhux ta’ sorpriża li Robert Abela huwa komdu b’dawn l-elementi madwaru meta wieħed jiftakar li hu stess akkuża lil ulied il-ġurnalista li l-għan tagħhom mhux veru kien li ssir ġustizzja magħhom għal dan l-assassinju imma sempliċement li jagħmlu ħsara lill-Gvern.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li dak li hu nieqes minn pajjiżna huwa Gvern matur li jrid verament jimxi ‘l quddiem billi jagħmel l-ovvju u jwettaq it-tibdil li tant hemm bżonn, kif qalu t-tliet imħallfin tal-Inkjesta Pubblika u kif issa ilha tinsisti l-Oppożizzjoni.

10.09.2026