Il-Gvern għandu jikkumplimenta l-investiment fl-ajruport billi jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż ħalli lit-turist nipprovdulu l-aħjar esperjenza
Il-Kap tal-PN Alex Borg imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal żjara fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn għaddej proġett ta’ titjib fit-terminal
Investiment bħalma qed isir mill-kumpanija MIA – li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta – huwa importanti ħafna imma mhuwiex biżżejjed għax il-Gvern irid jara li jikkumplimenta dan l-investiment fl-ajruport billi jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż ħalli lit-turist verament nipprovdulu esperjenza aħjar u nkomplu ntejbu l-kwalità.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fi tmiem żjara li għamel illum waranofsinhar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Żjara li matulha ddawwar mad-diversi taqsimiet tal-ajruport u ra x-xogħlijiet li qed jitwettqu biex l-MIA tkompli ttejjeb is-servizzi li toffri.
L-MIA għaddejja b’diversi proġetti, ewlieni fosthom dak tat-titjib u l-immodernizzar taż-żona taċ-check-in u l-estensjoni tat-terminal. Dan il-proġett mistenni jkun lest sal-2028 u jinkludi żieda fiċ-check-in desks għad-doppju ta’ li hemm illum. It-terminal il-ġdid mifrux fuq 6,000 metru kwadru huwa l-akbar investiment li qatt għamlet il-kumpanija minn meta l-ajruport ġie privatizzat u l-iskop hu li titjieb l-esperjenza tal-passiġġieri u jkun żgurat li l-ajruport inkun f’pożizzjoni li jilqa’ għal tkabbir fit-traffiku fis-snin li ġejjin.
Fost l-oħrajn, il-Kap tal-PN – li ntlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg – ittieħed iżur is-sala tad-Departures, il-parti fejn hemm il-ħwienet u anke l-La Valette Lounge fejn ukoll sar modernizzar. Żar ukoll l-uffiċċji prinċipali tal-MIA li jservu bħala l-qalb tal-ajruport, l-Immigration u Passport Control, u ż-żona tal-Baggage Reclaim kif ukoll l-Arrivals Lounge.
Hu ltaqa’ ma’ membri tal-management u mal-ħaddiema fid-diversi taqsimiet tal-ajruport, mhux biss dawk tal-MIA imma anke uffiċjali tal-immigrazzjoni, pulizija u impjegati tad-diversi ażjendi li hemm fid-Duty Free.
Alex Borg faħħar l-investiment qawwi u kontinwu li tagħmel l-MIA u enfasizza l-ħtieġa li l-Gvern ukoll jinvesti fl-infrastruttura tal-pajjiż biex l-impressjoni tajba li jieħu t-turist fl-ajruport malli jirfes fuq Malta tkun replikata fil-kumplament tal-prodott li noffru bħala pajjiż.
Fl-2025 għaddew mill-ajruport aktar minn 10 miljun passiġġier, li jfisser tkabbir ta’ 12% fuq l-2024. Il-movimenti tal-ajruplani żdiedu b’11.4% waqt li s-seat capacity żdiedet bi 13.1%.
L-akbar swieq li minnhom jiġu l-passiġġieri li jgħaddu mill-MIA huma l-Ingilterra u l-Italja b’20%, il-Polonja b’9%, il-Ġermanja bi 8% u Franza b’6%. Ir-Ryanair tibqa’ l-aktar linja tal-ajru li ġġib passiġġieri b’51% tas-suq, segwita mill-KM Malta Airlines bi 17% u mbagħad l-EasyJet, Wizz Air u Lufthansa. Din is-sena mad-diversi linji tal-ajru mistennija tiżdied id-Delta li se tipprovdi titjiriet diretti lejn l-Istati Uniti.
Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija minn Alex Borg kienet tinkludi lix-Shadow Ministers Mario de Marco, Ryan Callus, Ivan Castillo u Darren Carabott. Preżenti wkoll kien hemm il-kandidat tal-PN Duncan Borg Myatt.
11.03.2026









