Il-Gvern ma kkonsultax mal-imsieħba soċjali dwar il-miżuri tal-Budget
Minkejja li l-Budget jinkludi miżuri tajbin, oħrajn jidher biċ-ċar li ttieħdu bla ma kien hemm konsultazzjoni – la interna u lanqas mal-istakeholders.
Il-PN jgħid li l-Gvern ma kkomunikax mal-istakeholders u ma investiex biżżejjed fir-riċerka u l-innovazzjoni
Il-Budget għas-sena d-dieħla huwa konferma ta’ Gvern li ma jikkonsultax u ma jikkomunikax dwar l-aktar affarijiet li jolqtuna lkoll ta’ kuljum, b’mod partikolari l-impatt taż-żieda fil-popolazzjoni fuq it-traffiku, is-servizzi tas-saħħa u aktar.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Bernard Grech u l-Kelliem tal-PN għar-Riċerka u l-Innovazzjoni George Vital Zammit qalu li dan il-Budget wera kif il-Gvern Laburista donnu ntebaħ li għandu problema u fajjar miżuri li bihom min-nej mar għall-maħruq.
Huma qalu li, wara li kemm l-imsieħba soċjali kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kienu ilhom is-snin iwissu lill-Gvern dwar iż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni, issa fajjar miżuri bla ma kkonsulta mal-imsieħba soċjali, biex fir-reazzjonijiet tagħhom wara l-Budget wieħed wara l-ieħor ddikkjaraw li ma kienx hemm komunikazzjoni dwar dawn il-miżuri min-naħa tal-Gvern qabel ma ħabbarhom.
Il-Gvern Laburista seba’ snin ilu kellu f’idejh rapport li għamlu dak li llum huwa l-Ministru tal-Finanzi li juri l-impatt taż-żieda fil-popolazzjoni. Imma dan hu Gvern li lanqas lil ta’ ġewwa ma jisma’, aħseb u ara lil ħaddieħor, u dan ir-rapport intradam.
Minkejja li l-Budget jinkludi miżuri tajbin, oħrajn jidher biċ-ċar li ttieħdu bla ma kien hemm konsultazzjoni – la interna u lanqas mal-istakeholders.
Il-kelliema tal-PN qalu li biex pajjiżna jwettaq il-viżjoni għall-2050 irid bilfors jinvesti bis-sħiħ fl-innovazzjoni. Madankollu l-Gvern dan ma għamlux fil-Budget li ppreżenta. Huma qalu li wieħed ma jistax jitkellem fuq produttività jekk ma jagħtix prijorità lir-riċerka u l-innovazzjoni. F’dinja li qed timxi b’pass mgħaġġel, pajjiżna ma jistax jaffordja li jaqa’ lura f’dawn iż-żewġ oqsma.
Il-kelliema qalu li biex inwittu t-triq għall-futur irridu nagħtu l-għodda meħtieġa biex il-komunità ta’ riċerkaturi f’pajjiżna tikber, imma dan il-Budget ma indirizzax dawn il-ħtiġijiet.
12.11.2026

