Il-Gvern tilef il-kontroll tas-sigurtà fil-komunitajiet tagħna
Il-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jipprova jbellagħhielna li s-sigurtà f’Malta sejra tajjeb meta n-nies qed isibu għases tal-pulizija magħluqin, meta l-komunitajiet qed jitħallew mingħajr preżenza permanenti tal-Pulizija, meta bosta membri fil-korpi dixxiplinati qed jaqtgħu qalbhom mis-servizz, u meta l-pjaga tad-droga qed tkompli tikber b’rata allarmanti.
Għases magħluqin, pulizija jitilqu mis-servizz u żieda qawwija fit-traffikar tad-droga huma riżultat ta’ Gvern li qed ifalli milli jħares lin-nies
Il-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jipprova jbellagħhielna li s-sigurtà f’Malta sejra tajjeb meta n-nies qed isibu għases tal-pulizija magħluqin, meta l-komunitajiet qed jitħallew mingħajr preżenza permanenti tal-Pulizija, meta bosta membri fil-korpi dixxiplinati qed jaqtgħu qalbhom mis-servizz, u meta l-pjaga tad-droga qed tkompli tikber b’rata allarmanti.
Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar is-sigurtà f’pajjiżna, indirizzata mill-kandidati tal-PN Beppe Fenech Adami, Edmond Cuschieri u Frank Anthony Tabone, wara li lbieraħ l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar sensiela ta’ proposti b’saħħithom biex Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti Nifs Ġdid lis-sigurtà f’Malta u Għawdex.

Beppe Fenech Adami qal li l-Gvern Laburista ilu snin iwiegħed aktar sigurtà, aktar preżenza fil-komunitajiet, aktar rispett lejn il-korpi dixxiplinati u aktar investiment fis-servizzi essenzjali. Iżda dak li qed jaraw in-nies huwa differenti ħafna: għases magħluqin, nuqqas ta’ riżorsi, korpi taħt pressjoni, uffiċjali demotivati u familji li m’għandhomx moħħhom mistrieħ.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista għandu rispett kbir lejn il-pulizija, is-suldati, il-ħaddiema tal-ħabs, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili u l-membri kollha li kuljum jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kbira, minkejja nuqqas ta’ ppjanar, nuqqas ta’ investiment u kundizzjonijiet li ħafna drabi ma jagħmlulhomx ġustizzja, u dan kollu jrid jirrikonoxxih billi jagħtihom il-pagi u l-kundizzjonijiet li jixirqilhom.
Dan se jagħmlu b’pakkett sħiħ ta’ miżuri li jinkludi titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet, skema biex min jibqa’ jservi wara 25 sena jibda jirċievi l-pensjoni tas-servizz flimkien mal-paga, reviżjoni annwali tal-pensjonijiet biex ikunu marbuta ma’ żewġ terzi tal-paga attwali tar-rank, aġġustament għall-għoli tal-ħajja lill-membri rtirati, bord indipendenti biex jindirizza inġustizzji, u skema biex eks membri tal-Korpi Dixxiplinati jitħajru jerġgħu jidħlu fis-servizz.

Edmond Cuschieri tkellem dwar il-ħtieġa li l-għases tal-pulizija jerġgħu jkunu fil-qalba tal-komunitajiet kif dejjem kienu. Huwa qal li ma tistax titkellem dwar sigurtà fil-lokalitajiet meta hemm lista sħiħa ta’ bliet u rħula fejn l-għases ingħalqu jew ma baqgħux joffru s-servizz li r-residenti għandhom bżonn.
Huwa fakkar li f’pajjiż b’popolazzjoni li qed tikber kuljum, b’komunitajiet aktar kumplessi u bi sfidi ġodda ta’ kriminalità, storbju, vandaliżmu, serq u traffikar, il-preżenza tal-Pulizija fil-lokalità mhijiex lussu iżda bżonn bażiku. Il-Pulizija tal-Komunità għandha funzjoni importanti ħafna u għandha tkompli tissaħħa, iżda ma tistax tintuża bħala skuża biex jingħalqu l-għases jew biex ir-residenti jintbagħtu f’lokalitajiet oħra meta jkollhom bżonn jagħmlu rapport jew ifittxu għajnuna. Mhux kull resident jista’ jiċċaqlaq faċilment minn lokalità għal oħra biex imur jagħmel rapport, u ħafna jispiċċaw jaqtgħu qalbhom u ma jirrapurtaw xejn.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jerġgħu jinfetħu l-għases fl-irħula u l-bliet f’Malta u Għawdex, li s-sistema tal-Pulizija tal-Komunità tkun integrata mas-sistema tal-għases, u li l-uffiċċji tal-Pulizija tal-Komunità jerġgħu jsiru għases li jaqdu lin-nies b’mod sħiħ. Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti wkoll fl-immodernizzar tal-għases biex ir-residenti jsibu ambjent li jilqgħek u biex il-pulizija jkollhom l-ambjent u r-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu b’dinjità.

Frank Anthony Tabone qal li Robert Abela bil-kliem jista’ jgħid ħafna affarijiet. Imma l-istatistika tgħid storja differenti. Skont l-Annual Crime Review ippubblikat fl-2026, fl-2025 kien hemm żieda ta’ 70% f’każijiet marbuta mad-droga, fosthom żieda ta’ 62% fl-importazzjoni tad-droga, 54% fil-pussess bl-intenzjoni ta’ traffikar, 81% fil-pussess u 111% fit-traffikar. Dawn mhumiex sempliċi ċifri – huma evidenza li l-pjaga tad-droga qed tinfiltra ruħha aktar fil-komunitajiet u qed tolqot direttament lill-familji, lill-ġenituri u liż-żgħażagħ.
Huwa qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jitkellem dwar is-sigurtà biex jagħmel propaganda meta l-fatti juru realtà differenti. Hemm bżonn azzjoni serja kontra t-traffikanti u kontra n-netwerks kriminali, u politika umana u effettiva ta’ prevenzjoni, edukazzjoni u rijabilitazzjoni għall-vittmi tad-droga.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi infurzar intelliġenti kontra t-traffikar tad-droga permezz ta’ investiment f’teknoloġija avvanzata fil-portijiet u sistemi moderni li jgħinu biex jinqatgħu n-netwerks kriminali. Il-miżuri jridu jolqtu lit-traffikanti u lill-kriminalità organizzata, filwaqt li jissaħħu programmi edukattivi, ta’ prevenzjoni u ta’ rijabilitazzjoni.
Hu rrefera b’mod partikolari għas-sitwazzjoni f’Għawdex fejn sal-2013, meta l-popolazzjoni tal-gżira kienet ferm anqas, kien hemm 130 uffiċjal tal-pulizija. Illum b’popolazzjoni ħafna akbar u b’aktar sfidi dawn niżlu taħt il-100. Dan apaprti li Gvern Laburista żarma l-iskwadra speċjalizzata kontra t-traffikar tad-droga. F’pajjiż bi problemi dejjem akbar fit-traffikar tad-droga, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, Gvern Nazzjonalista determinat li jerġa’ jkun hemm skwadra apposta biex tiġġieled din il-pjaga.
Is-sigurtà nazzjonali trid titqies b’mod sħiħ. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti b’mod strateġiku fil-Forzi Armati ta’ Malta, inkluż f’teknoloġija moderna, taħriġ u riżorsi adegwati f’oqsma bħaċ-cyber security, id-difiża nazzjonali, ir-rispons għall-emerġenzi u s-search and rescue. Ma jistax ikun li l-Forzi Armati ta’ Malta jispiċċaw biss b’ħelikopter wieħed li jrid ilaħħaq ma’ dak kollu li jista’jinqala fil-gżejjer tagħna b’riskju li l-Armata jkollha tagħżel bejn emerġenza u oħra li jinqalgħu fl-istess ħin.
Għall-PN, is-sigurtà mhijiex slogan. Is-sigurtà tfisser li omm li ikollha moħħha mistrieħ li binha jista’ jimxi fit-triq bla biża’. Tfisser li anzjan jaf li meta jkollu bżonn l-għajnuna se jsib għassa miftuħa fil-komunità tiegħu. Tfisser pulizija u membri tal-korpi dixxiplinati li jħossuhom rispettati, imħallsa kif jixraq u armati biex jagħmlu xogħolhom, u mhux demotivati u lesti li jitilqu s-servizz. Tfisser pajjiż li ma jagħlaqx għajnejh quddiem id-droga u l-kriminalità organizzata.
Għall-Partit Nazzjonalista is-sigurtà tiegħek hi importanti, u Gvern Nazzjonalista se jagħti Nifs Ġdid lis-sigurtà f’Malta u Għawdex, billi jinvesti fil-korpi u fir-riżorsi biex int tgħix aħjar.
13.05.2026