Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg jitlob laqgħa urġenti tal-MCESD dwar il-kriżi tal-elettriku
AĦBAR

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg jitlob laqgħa urġenti tal-MCESD dwar il-kriżi tal-elettriku

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li quddiem kriżi ta' din il-portata, il-pajjiż għandu jfittex l-għaqda u jlaqqa' madwar l-istess mejda lill-imsieħba soċjali kollha biex flimkien jiġu identifikati s-soluzzjonijiet meħtieġa. Huwa għalhekk li qed jappella biex il-laqgħa tal-MCESD issir fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kiteb liċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jitlob li tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kunsill sabiex tiġi diskussa l-kriżi nazzjonali li qed jiffaċċja pajjiżna fil-provvista tal-elettriku.

Fit-talba tiegħu, Alex Borg sostna li l-qtugħ ripetut u fit-tul tad-dawl li laqat lil Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar ġimgħat m’għadux jista’ jitqies bħala episodju iżolat, iżda huwa sfida nazzjonali li qed tħalli impatt serju fuq il-familji, il-ħaddiema, is-self-employed, in-negozji u l-ekonomija kollha.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li eluf ta’ familji u negozji ġarrbu telf finanzjarju sostanzjali minħabba ħsarat f’apparat u tagħmir, telf ta’ ikel u prodotti, kif ukoll inħolqu diffikultajiet serji għal persuni vulnerabbli u għal dawk li jiddependu fuq apparat mediku li jaħdem bl-elettriku.

Alex Borg appella biex il-MCESD jiddiskuti mingħajr aktar dewmien ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-infrastruttura elettrika nazzjonali, il-miżuri immedjati meħtieġa biex jiġi assigurat servizz stabbli, l-impatt ekonomiku tal-kriżi fuq il-familji u n-negozji, il-mekkaniżmi ta’ sostenn u kumpens għal dawk li ġarrbu danni, kif ukoll il-pjan fit-tul għall-investiment meħtieġ biex Malta jkollha infrastruttura moderna u adegwata għall-bżonnijiet tal-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li quddiem kriżi ta’ din il-portata, il-pajjiż għandu jfittex l-għaqda u jlaqqa’ madwar l-istess mejda lill-imsieħba soċjali kollha biex flimkien jiġu identifikati s-soluzzjonijiet meħtieġa. Huwa għalhekk li qed jappella biex il-laqgħa tal-MCESD issir fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li huwa lest jagħti s-sehem tiegħu b’mod kostruttiv u responsabbli biex pajjiżna jkollu infrastruttura elettrika affidabbli, reżiljenti u li tkun kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.

24.07.2026

– Agħfas hawn biex taqra l-ittra li bagħat il-Kap tal-Oppożizzjoni liċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef.