Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob li l-Parlament jiltaqa’ b’urġenza wara l-verdett fil-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia
Alex Borg qal li dan huwa mument li jitlob serjetà, responsabbiltà u azzjoni mill-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż.
“Fejn hu l-Prim Ministru?”; il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Parlament għandu jiddiskuti l-fallimenti istituzzjonali, ir-riformi li għadhom meħtieġa u l-passi li għandhom jittieħdu biex issir ġustizzja sħiħa
Fejn hu l-Prim Ministru? F’mument meta l-pajjiż kollu qed jiddiskuti l-verdett tal-bieraħ li reġa’ fetaħ ferita ta’ nazzjon, Robert Abela ma jidher imkien.
Ftit tal-ħin ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan hu u ħiereġ mill-Parlament wara li talab lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati biex il-Parlament jiltaqa’ minnufih u b’urġenza. Dan wara l-verdett mogħti fil-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-ittra mibgħuta lill-Ispeaker b’din it-talba biex jiltaqa’ l-Parlament b’urġenza, Alex Borg qal li dan il-verdett ma jagħlaqx il-kapitlu tal-assassinju ta’ Daphne u lanqas jeħles lill-Istat mir-responsabbiltà politika u istituzzjonali tiegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kważi disa’ snin wara, il-familja ta’ Daphne u pajjiżna għadhom mingħajr ġustizzja sħiħa u mingħajr tweġiba definittiva dwar min ordna dan id-delitt.
Barra minn hekk, il-proċess ġudizzjarju qajjem mistoqsijiet serji dwar kif tmexxiet l-investigazzjoni u dwar jekk kienx hemm fallimenti, kunflitti ta’ interess jew interferenzi li xekklu lill-istituzzjonijiet milli jwettqu dmirhom b’mod ħieles u indipendenti.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob dibattitu urġenti fil-Parlament biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi u l-fallimenti istituzzjonali li wasslu lil pajjiżna għal dan il-punt biex jiġu eżaminati r-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi li għadhom meħtieġa, biex jiġu implimentati b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika, u biex jittieħdu l-passi meħtieġa biex issir ġustizzja sħiħa u biex Malta tkun pajjiż fejn l-istituzzjonijiet ikunu indipendenti, il-ġurnalisti jaħdmu mingħajr intimidazzjoni u ħadd ma jkun ’il fuq mil-liġi.
Alex Borg qal li dan huwa mument li jitlob serjetà, responsabbiltà u azzjoni mill-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż.
Il-Parlament għandu l-obbligu li jassigura li l-verità tibqa’ tiġi mfittxija u li kull min għandu jerfa’ r-responsabbiltà jagħmel dan.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Ivan Castillo.
03.09.2026
Ara l-ittra li l-ppreżenta l-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Ispeaker hawn.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista jindirizza lill-ġurnalisti barra l-Parlament