Il-Kap tal-PN Alex Borg jivvota fl-elezzjoni ġenerali
AĦBAR

Il-Kap tal-PN Alex Borg jivvota fl-elezzjoni ġenerali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu tefa’ l-vot tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li qed issir illum.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni vvota dalgħodu fil-Munxar – il-votazzjoni madwar Malta u Għawdex fetħet fis-7am u tagħlaq fl-10pm

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu tefa’ l-vot tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li qed issir illum.

Alex Borg mar jivvota fid-9am fil-lokalità tal-Munxar, Għawdex. Huwa vvota fil-post tal-votazzjoni li jinsab fis-Sala Parrokkjali, fi Triq il-Madonna tal-Karmnu, il-Munxar. Hu ntlaqa’ fil-post minn numru ta’ persuni li nġabru biex jagħtuh merħba, kif ukoll mill-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-PN Roberta Metsola.

Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat fil-post tal-votazzjoni mill-Kummissjonarju Elettorali Salvu Sant.

F’kumment qasir li ta lill-ġurnalisti wara li vvota, huwa appella lil kulħadd biex jeżerċita d-dritt tiegħu u joħroġ jivvota biex nagħtu nifs ġdid lil pajjiżna.

Il-votazzjoni tal-lum, li qed issir f’postijiet tal-votazzjoni mifruxa mal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex, fetħet fis-7am u tagħlaq fl-10pm. Il-votanti reġistrati f’din l-elezzjoni jammontaw għal 356,832. Minn dawn, wara li għalaq it-tqassim tad-dokumenti tal-vot u baqgħu ma nġabrux 4.3% tal-voti, total ta’ 341,351 huma eliġibbli biex jivvutaw illum.

30.05.2026