Il-kriżi demografika tal-Floriana teħtieġ azzjoni konkreta u immedjata
AĦBAR

Il-kriżi demografika tal-Floriana teħtieġ azzjoni konkreta u immedjata

Il-kriżi demografika tal-Floriana ma tistax tibqa’ tiġi injorata u teħtieġ ħidma koordinata u miżuri konkreti mill-Gvern, mill-Oppożizzjoni u mill-Kunsill Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li r-riġenerazzjoni tal-Floriana trid issaħħaħ il-komunità residenzjali mhux tieħu postha

Il-kriżi demografika tal-Floriana ma tistax tibqa’ tiġi injorata u teħtieġ ħidma koordinata u miżuri konkreti mill-Gvern, mill-Oppożizzjoni u mill-Kunsill Lokali.

Dan intqal waqt laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u l-Kunsill Lokali tal-Floriana, li matulha ġew diskussi l-isfidi serji li qed tiffaċċja l-lokalità minħabba t-tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni residenzjali tagħha.

Il-popolazzjoni tal-Floriana naqset minn aktar minn 5,000 persuna għal madwar 1,700, filwaqt li l-età medja tar-residenti issa qabżet is-60 sena u fil-lokalità qed isiru aktar funerali milli magħmudijiet. Fl-istess waqt, iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà qed tagħmilha aktar diffiċli għaż-żgħażagħ u għall-familji biex jibqgħu jgħixu fil-Floriana, filwaqt li aktar residenzi qed jinbidlu f’boutique hotels, residenzi għax-short-lets u propjetajiet għal użu kummerċjali.

Il-Partit Nazzjonalista kien l-uniku partit li inkluda l-kriżi demografika tal-Floriana fil-Programm Elettorali tiegħu għall-Kunsilli Lokali. Illum, hekk kif qed jitwettaq dan il-Programm Elettorali li l-PN ippreżenta fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill, il-Kunsill Lokali poġġa din l-isfida fil-quċċata tal-ħidma tiegħu.

Fl-aħħar sentejn, il-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill ħejja dokument ta’ politika dwar il-kriżi demografika, li ġie approvat unanimament, iddikjara din il-kriżi bħala emerġenza lokali, organizza konferenzi u laqgħat ma’ diversi stakeholders u kompla jressaq proposti għall-ħarsien tal-komunità residenzjali. Il-Kunsill qed imexxi wkoll studju dwar il-carrying capacity tal-lokalità.

Madankollu, il-Kunsill Lokali ma jistax isolvi din il-kriżi waħdu, partikolarment minħabba l-limitazzjonijiet fis-setgħat u r-riżorsi tiegħu. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jinvolvi lill-Kunsill bħala sieħeb ewlieni u jieħu azzjoni fuq proposti konkreti.

Dawn għandhom jinkludu reviżjoni tal-Pjan Lokali u tal-politiki tal-ippjanar, protezzjoni akbar tal-istokk residenzjali, inċentivi reġjonali għall-first-time buyers li jagħżlu li jixtru dar u jibnu familja fil-Floriana, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-użu ta’ propjetajiet battala għal skopijiet residenzjali.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-investiment u r-riġenerazzjoni tal-Floriana, iżda jisħaq li l-iżvilupp ekonomiku ma jistax isir għad-detriment tar-residenti. Ir-riġenerazzjoni trid tinkludi mhux biss il-bini u l-ispazji pubbliċi, iżda fuq kollox il-komunità li tagħti l-ħajja lil din il-lokalità.

Din mhijiex kwistjoni partiġġjana iżda sfida ta’ interess nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest jaħdem mal-Gvern u mal-Kunsill Lokali fuq soluzzjonijiet konkreti biex il-Floriana tibqa’ komunità ħajja, fejn iż-żgħażagħ, il-familji u r-residenti tagħha jistgħu jibnu l-futur tagħhom.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Bernice Bonello u Julie Zahra. Min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Floriana attendew is-Sindku Nigel Holland, il-Viċi Sindku James Aaron Ellul, il-Kunsilliera Justine Palmier u s-Segretarju Eżekuttiv Malcolm Agius Muscat.

25.08.2026