Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tirċievi n-nominazzjonijiet ta’ Alex Borg u Adrian Delia
Wara li jiġu verifikati ż-żewġ nominazzjonijiet, jintensifikaw it-tħejjijiet għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fis-6 ta’ Settembru
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tgħarraf li llum, it-Tlieta 19 ta’ Awwissu 2025 irċeviet in-nominazzjonijiet għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN mingħand Alex Borg u Adrian Delia.
Kif tħabbar dakinhar li l-Kummissjoni Elettorali rċeviet ir-Rapport ta’ Verifika li kkonferma li ż-żewġ kandidati prospettivi li esprimew l-interess tagħhom f’din il-kariga jissodisfaw il-kriterji tal-verifika, il-perjodu li matulu ntlaqgħu n-nominazzjonijiet kien miftuħ għal ħames ijiem skont kif jistipula Artiklu 90d tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, bejn nhar il-Ħamis 14 ta’ Awwissu f’12pm u llum it-Tlieta 19 ta’ Awwissu 2025 f’nofsinhar.
Issa, fi żmien 24 siegħa, il-Kummissjoni Elettorali tivverifika li l-formoli tan-nominazzjonijiet huma korretti u tinforma b’dan lill-kandidati.
Matul dan il-perjodu setgħu jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom biss iż-żewġ kandidati prospettivi li kienu ddikjaraw l-interess tagħhom li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap u li ġew pożittivament verifikati mill-Kummissjoni Kandidati.
In-nominazzjoni għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista ssir fuq formola apposta li tkun iffirmata mill-kandidat propost, u sekondata minn mill-inqas:
- tliet membri tal-Grupp Parlamentari,
- ħames membri tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali PN,
- għaxar membri tal-Kumitat Eżekuttiv,
- ħamsin membru tal-Kunsill Ġenerali, u
- ħamsin membru tal-Partit.
Issa li għalqu n-nominazzjonijiet u l-Kummissjoni Elettorali tkun ivverifikat iż-żewġ nominazzjonijiet li rċeviet, il-Kummissjoni torganizza l-elezzjoni għal Kap tal-PN. Il-votazzjoni se tkun qed issir is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025 f’Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati mlaqqgħa apposta.
Il-Kummissjoni Elettorali se torganizza wkoll votazzjonijiet oħra aktar kmieni l-Erbgħa 27 u s-Sibt 30 ta’ Awwissu għal dawk il-membri li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jivvutaw fil-jum proprju tal-votazzjoni.
Id-dettalji (dati, ħinijiet u postijiet tal-votazzjoni) huma kif ġej:
- L-Erbgħa 27 ta’ Awwissu 2025 mill-4pm sad-9pm (Malta) u mill-4pm sat-8pm (Għawdex)
Malta: Dar Ċentrali PN
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat
- Is-Sibt 30 ta’ Awwissu 2025 mid-9am sas-7pm (Malta) u mid-9am sal-5pm (Għawdex)
Malta: Dar Ċentrali PN
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat
- Is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025 mid-9am sas-7pm (Malta) u mid-9am sal-5pm (Għawdex)
Malta: Dar Ċentrali PN u Każini PN Safi, Tarxien u Mġarr
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar ukoll li dawk eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni se jkunu dawk il-membri tal-PN li jkollhom it-tessera tagħhom aġġornata skont kif stabbilit fl-Istatut u fir-Regolamenti sa għaxart ijiem qabel jum l-elezzjoni, jiġifieri s-27 ta’ Awwissu f’nofsinhar.
Mario Callus
Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN
19.08.2025


