Il-pajjiż qed isejjaħlek. Il-kelma tiegħi magħkom hi kuntratt: ‘We will deliver’
Il-kelma tiegħi magħkom, dak li qed inwegħedkom, hu kuntratt. Dawn il-wegħdi mhumiex se jibqgħu fuq il-karta. We will deliver.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jindirizza Mass Rally ta’ Jum il-Ħaddiem f’Ħal Lija; fit-30 ta’ Mejju se nagħmlu l-ewwel pass fid-direzzjoni li rridu nieħdu lil pajjiżna
Il-kelma tiegħi magħkom, dak li qed inwegħedkom, hu kuntratt. Dawn il-wegħdi mhumiex se jibqgħu fuq il-karta. We will deliver.
Fid-diskors tiegħu waqt Mass Rally f’Ħal Lija f’Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg elenka l-proposti li nieda l-Partit Nazzjonalista fl-ewwel ġranet tal-kampanja, inkluż in-netwerk ta’ sptarijiet u l-Park Nazzjonali tas-Saħħa f’Selmun li jsiru fl-ewwel ħames snin ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista, u qal li dawn il-proġetti se jkunu qed jitwettqu grazzi għat-tim ta’ kandidati u professjonisti fis-saħħa li welldu u emmnu fihom.
Huwa qal li għax il-PN verament jemmen fil-ħaddiema tas-saħħa, irid jagħtihom il-kundizzjonijiet li jixirqilhom u fl-ewwel mitt jum, Gvern Nazzjonalista jibda jinnegozja pagi aħjar għalihom.
“Nemmnu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-ħajja. Għalhekk ngħollu l-istipendji tal-istudenti kollha b’25%, u nagħtu tax break ta’ ħames snin lill-professjonisti tas-saħħa Maltin li qegħdin barra u li jiġu lura biex jaħdmu f’pajjiżna”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq koppja żgħażagħ li qed jaqtgħu qalbhom biex ikollhom familja u qal li jrid ikun spalla għalihom. Huwa qal li ċ-Child Trust Fund se tkun qed tagħmel propju dan. Dan hu investiment fiż-żgħażagħ biex kif jikbru jkunu jistgħu jinvestu f’negozju, fi studju jew f’dak li jgħinhom jibnu l-futur tagħhom.
Alex Borg qal li ħafna ħaddiema qed jistinkaw kemm jifilħu imma mhux isibu appoġġ anke meta jkunu jridu jaħdmu aktar. Gvern Nazzjonalista jippremja l-bżulija u jneħħi t-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 li l-ħaddiem jaqla’ mill-overtime jew part-time.
Biex l-imprendituri u n-negozji ż-żgħar ikunu jistgħu jagħmlu l-investiment li jixtiequ mingħajr xkiel, Gvern Nazzjonalista se jiżgura li tinqata’ l-burokrazija żejda li taqta’ nifs min irid jinvesti u jiżgura li jkun hemm level playing field għan-negozji.
Alex Borg tkellem dwar ir-realtajiet tal-lum u kif ħafna ħaddiema jispiċċaw jaslu x-xogħol irrabjati u stressjati minħabba t-traffiku kontinwu. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jagħti sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti u fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Nazzjonalista jibda x-xogħol fuq dan il-proġett biex fl-ewwel ħames snin titlesta l-ewwel u l-akbar linja ta’ din is-sistema.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita spjega kif sadanittant il-Partit Laburista, li kabbar il-problema tat-traffiku, l-ewwel wegħedna metrò li baqgħet taħt l-art u issa Chris Bonett wegħedna proġett ieħor li ftit sigħat wara li ħabbru Clyde Caruana qallu li ma kienx se jiffirmalu biex jiffinanzjah. Wegħda oħra ta’ proġett ieħor tal-massa li se jerġa’ jibqa’ taħt l-art.
Alex Borg qal li l-Gvern Laburista kien Gvern li kien isib il-miljuni għal min irid hu imma falla milli jagħtina ħalla ta’ kwalità. Kellu €4 miljuni biex iniedi l-Viżjoni Malta 2050, u €2 miljuni biex jagħtuh il-pariri dwar il-mass transport, sab €300,000 biex jiksi Ta’ Qali biż-żrar, €400 miljun għall-Vitals u €360 miljun bħala garanzija lil tal-Electrogas. U lilek insewk, imma lejliet l-elezzjoni jċemplulek biex jaraw x’għandek bżonn.
“Jekk tagħtuna l-fiduċja, il-bibien ta’ Kastilja jkunu miftuħin għal kulħadd dejjem, mhux lejliet l-elezzjoni biss”.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista għandu l-energija, id-determinazzjoni, is-saħħa tal-persważjoni, u determinat li man-nies jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna.
“Ejjew niktbu kapitlu ġdid għal pajjiżna. Iva, aħna l-underdogs, imma bikom magħna nistgħu naslu. Wasal il-mument. Il-pajjiż qed isejjaħlek. Dan hu l-mument tagħna. Flimkien se nagħtu Nifs Ġdid”.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin li ddeskiriviehom bħala s-sinsla ta’ pajjiżna u fakkar ukoll kif l-1 ta’ Mejju jfakkarna kif 22 sena ilu dan il-pajjiż ħa deċiżjoni importanti li fetaħ il-bibien tal-opportunitajiet meta sirna pajjiż Ewropew grazzi għall-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami. Hu fakkar kif dakinhar in-nies ma baqgħux passivi, imma b’responsabbiltà laqgħu s-sejħa ta’ pajjiżna. Din l-istess responsabbiltà llum tinsab fuq spallitna lkoll, u fit-30 ta’ Mejju rridu nagħmlu l-ewwel pass. Id-deċiżjoni ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin hija tagħna lkoll.
Qabel ma għamel id-diskors tiegħu Alex Borg, indirizza l-folla sabiħa f’Ħal Lija wkoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calscione li beda billi sellem lil Jean Paul Sofia – ħaddiem żagħżugħ li ħajtu ntilfet minħabba f’min min tilef ir-ruħ soċjali tiegħu. Hu fakkar kif f’waħda mill-aktar paġni koroh tal-Parlament Malti kienu biss id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista li vvutaw favur ġustizzja sħiħa ma’ dan il-ħaddiem żagħżugħ u mal-familja tieghu.
Huwa qal li l-ebda billboard ma jista’ jikteb din l-istorja mill-ġdid u xejn mhu se jħassar dak li seħħ dakinhar.
Illum il-PN itenni t-twemmin tiegħu fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, qal Alex Perici Calascione. Dan hu pajjiż sabiħ li jista’ jkun isbaħ. Pajjiż li kull meta kien qed jitmexxa minn min kellu viżjoni serja dejjem laħaq il-quċċata tas-suċċess.
Huwa b’din il-vżjoni serja li wara t-30 ta’ Mejju l-Partit Nazzjonalista jrid imexxi lil pajjiżna – jibni fuq dak li sar tajjeb u bi strateġija jsewwi dak li mhux jaħdem.
“Bl-enerġija, bil-ħidma, bil-passjoni li għandu Alex Borg, se nagħtu lil dan il-pajjiż il-Malta li rridu ngħixu fiha. Nifs Ġdid għal kulħadd”.
Trisianne Attard, studenta żagħżugħa li wkoll għamlet id-diskors tagħha, tkellmet fuq dak li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ f’pajjiżna llum. Hija tkellmet dwar id-diffikultajiet biex wieħed juża t-trasport pubbliku – minħabba ffullar, nuqqas ta’ konsistenza u anke minħabba bus shelters mhux adegwati. L-istudenta żagħżugħa qalet li is-soluzzjoni hija l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista ta’ sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti li tkun diġà qed taħdem fl-ewwel ħames snin. L-istudenta żagħżugħa faħħret ukoll il-proposta tal-Park Nazzjonali tas-Saħħa tal-PN li se tiffoka fuq il-lifestyle u fuq is-saħħa mentali u qalet li dan se jkun game-changer fis-saħħa u li se jagħti Nifs Ġdid lill-Maltin u l-Għawdxin.
“Kull min qiegħed hawn, qiegħed hawn għal xi raġuni – min għax frustrat għax diffiċli tixtri darek, min għax qed jaqta’ qalbu jibda familja, min għax mhux ilaħħaq mal-ħajja…imma hemm raġuni waħda li tgħaqqad lil dawk preżenti. Iridu Nifs Ġdid għal pajjiżna. Jien nemmen verament li b’Alex Borg bħala Prim Ministru, pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu”.
Il-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjpnalista għall-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju tkompli għada b’ġurnata ta’ attivitajiet f’Għawdex li tilħaq il-qofol tagħha b’attività politika fis-6:30pm f’Għajnsielem.
01.05.2026











