Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda, filwaqt li dawk eżistenti jissaħħu

Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda, filwaqt li dawk eżistenti jissaħħu. Għax il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti s-saħħa lill-ħaddiem.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fl-uffiċċji tal-kumpanija Focal Maritime Services, bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Nagħtu Saħħa lill-Ħaddiem”, fejn anke tkellem mal-ħaddiema preżenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna għandu bżonn jaħseb bis-serjetà li jagħti imbuttatura ‘l quddiem lis-setturi kollha, partikolarment dawk fil-qasam marittimu għax jirrikonoxxi l-potenzjal li dawn għandhom fl-ekonomija tagħna. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jkollu Ministeru ddedikat għas-settur marittimu.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex il-ħaddiema u l-professjonisti kollha jgħixu kwalità ta’ aħjar, partikolarment billi jara li jinħoloq ix-xogħol ta’ kwalità, b’valur miżjud u b’pagi li jrendu.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairmain ta’ Focal Maritime Godwin Xerri spjega lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista wħud mill-isfidi li s-settur marittimu jaffaċja ta’ kuljum u l-bżonn li pajjiżna jibda jaħseb bis-serjetà għall-futur ta’ dan is-settur.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo u mill-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia.
20.04.2023
Posted Under: Uncategorized