Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħtieġa ta’ aktar nisa fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet
AĦBAR

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħtieġa ta’ aktar nisa fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet

ll-PN b’diskussjoni bis-sehem ta’ nisa minn oqsma differenti f’Jum il-Mara; Alex Borg jitkellem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għan-nisa

Nemmen bis-sħiħ fl-importanza tan-nisa fis-soċjetà, u l-PN irid jara aktar nisa li jkunu fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Hu bis-saħħa ta’ żewġ nisa importanti li jien ninsab fejn qiegħed illum – ommi li kienet strumentali fit-trobbija soda tiegħi, u Sarah li llum hija l-pedament tiegħi f’kull pass li nagħmel.

Hekk fetaħ l-attività politika tal-lum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – attività mis-sensiela Qrib Tagħkom f’Jum il-Mara li ħadet il-forma ta’ diskussjoni bis-sehem ta’ nies minn oqsma differenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li pajjiżna ma jistax jitkellem dwar futur aħjar jekk ma jindirizzax bis-serjetà l-isfidi li għadhom jaffettwaw lil eluf ta’ nisa kuljum. Huwa sostna li meta l-politika tonqos milli tagħti prijorità lill-ugwaljanza u lill-kwalità tal-ħajja tan-nisa, tkun qed tfalli lil nofs il-popolazzjoni. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jagħti lin-nisa rwol ċentrali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika nazzjonali.

L-attività tal-PN ta’ dalgħodu, li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN ftit biss qabel Maratona Ġbir ta’ Fondi li se jorganizza aktar tard illum il-Partit Nazzjonalista, ġabet flimkien kemm nisa kif ukoll irġiel minn oqsma differenti tas-soċjetà Maltija għal diskussjoni miftuħa dwar ir-realtajiet li jaffettwaw lin-nisa u dwar il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet konkreti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fost l-isfidi li għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa hemm il-vjolenza domestika u l-fastidju sesswali, il-piż sproporzjonat tal-kura fil-familja u d-distakk fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Huwa saħaq li dawn mhumiex problemi li jistgħu jiġu indirizzati bi kliem sabiħ jew b’ċerimonji, iżda b’politika konkreta li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq proposti ċari, fosthom miżuri aktar b’saħħithom kontra l-vjolenza domestika, politika obbligatorja kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll pjan ambizzjuż biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, inkluż estensjoni tal-maternity u parental leave u aktar appoġġ għall-familji li jrabbu t-tfal tagħhom. Hu saħaq ukoll fuq ir-rwol tal-edukazzjoni biex il-vjolenza domestika tiġi eradikata minn fost iċ-ċittadini ta’ għada.

Alex Borg irrefera għad-diskussjoni fil-Parlament dwar ir-riforma tal-Qorti tal-Familja u filwaqt li saħaq li din ir-riforma kien wasal iż-żmien li ssir, qal li xtaq li din ir-riforma kienet ftit aktar kuraġġuża biex tħares dejjem aktar lill-familji, b’mod partikolari lit-tfal.

Huwa temm jgħid li Malta ma tistax timxi ’l quddiem jekk ma tagħtix lin-nisa s-sigurtà, id-dinjità u l-opportunitajiet li jistħoqqilhom.

Fil-bidu tal-attività Alex Borg sellem lill-Maltin li rritornaw pajjiżna mil-Lvant Nofsani fl-aħħar sigħat u rringrazzja lill-Gvern tas-sehem tiegħu biex dawn il-persuni jerġgħu lura f’pajjiżna. Alex  Borg qal li dawn huma mumenti li jitolbu maturità politika u għarfien ta’ dak li jsir għall-ġid tal-Maltin.

Id-diskussjoni kienet immexxija mill-moderatur Lisa Spiteri, u fiha ħadu sehem Paula Briffa, il-Professur Clarissa Sammut Scerri, Dr. Amy Camilleri Zahra, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella, u l-Professur Anna Borg, kif ukoll il-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) Marie Claire Zammit, li wasslet ukoll messaġġ għal Jum il-Mara. L-attività rat ukoll il-preżenza ta’ deputati, kandidati u uffiċjali tal-Partit, kif ukoll bosta persuni oħra li attendew biex jipparteċipaw fid-diskussjoni.

Matul id-diskussjoni ġew indirizzati diversi temi importanti li jaffettwaw il-ħajja tan-nisa f’pajjiżna. Fost dawn kien hemm il-pjaga tal-vjolenza domestika li għadha tħalli impatt fuq eluf ta’ nisa u familji, il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, u l-isfidi li jiffaċċjaw nisa li jippruvaw jikkombinaw ix-xogħol ma’ responsabbiltajiet tal-familja. Kien hemm riflessjoni dwar l-avvanzi li saru anke fil-qasam tax-xogħol fejn il-mara għamlet avvanzi fil-qasam tax-xogħol iżda sal-lum għad hemm inġustizzja man-nisa li jieqfu jaħdmu biex irabbu t-tfal għaliex ibatu n-nuqqas fil-paga u fil-progressjoni fil-karriera u din l-inġustizzja jibqgħu jbatuha sal-pensjoni. Ġiet diskussa wkoll ir-realtà li ħafna nisa għadhom iġorru l-parti l-kbira tal-piż tal-kura fil-familja, kif ukoll id-distakk fil-pagi u l-ostakli li n-nisa jiltaqgħu magħhom biex javvanzaw fil-karrieri tagħhom.

Tema oħra diskussa kienet dwar l-isfida tad-demografija fejn intefa’ dawl dwar il-ħtieġa mhux biss ta’ flus imma anke ta’ ħin disponibbli biex wieħed irabbi familja jekk irridu verament inżidu l-popolazzjoni Maltija.

Matul l-attività ġew enfasizzati wkoll il-ħidma u l-proposti li diġà ressaq il-Partit Nazzjonalista biex jindirizza dawn l-isfidi, fosthom proposti biex tissaħħaħ il-protezzjoni kontra l-vjolenza domestika, inizjattivi kontra l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, miżuri biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, kif ukoll proposti biex jissaħħu l-opportunitajiet tan-nisa fid-dinja diġitali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux jibqgħu jiġu trattati biss bi kliem sabiħ jew b’ċelebrazzjonijiet simboliċi, iżda jeħtieġ politika serja, azzjoni konkreta u impenn reali biex tinbena soċjetà aktar ġusta fejn kull mara u kull tifla jkollhom l-istess opportunitajiet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

08.03.2026