Il-Partit Nazzjonalista jrid jifhem it-tbatijiet u jtejjeb ħajjet il-poplu

Jeħtieġ li nifhmu t-tbatijiet li hawn madwarna u fejn nistgħu, inkunu ta’ refuġju għal kull min hu fil-bżonn. Bil-politika, nistgħu ntejbu mhux ftit ħajjet il-poplu Malti u Għawdxi.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul żjara li għamel fis-Soup Kitchen, il-Belt, bħala parti mill-Festi tal-Indipendenza, bit-tema “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu għall-aħbar li ħarġet f’Diċembru li għadda u li wriet kif 91% ta’ dawk li jagħmlu użu mis-Soup Kitchen huma Maltin. Is-Soup Kitchen tagħti l-ikel lil 140 persuna ta’ kuljum, fost tħassib ukoll għall-fatt li hawn nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom, b’mijiet jgħixu fit-toroq u eluf jgħixu fil-garaxxijiet, uħud minnhom mingħajr provvista tal-elettriku.
Għall-ħidma siewja li jagħmlu fis-Soup Kitchen, il-Patrijiet Franġiskani ngħataw il-Premju Ċittadin Ewropew wara li kienu nnominati mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.
Matul iż-żjara tiegħu llum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sema’ l-esperjenzi, filwaqt li ra b’għajnejh il-qsim il-qalb u t-tbatijiet ta’ numru ta’ individwi, li jsibu ħajt ta’ kenn fil-ħidma sfieqa tas-Soup Kitchen. Hu rringrazzja wkoll lill-voluntieri, taħt it-tmexxija b’imħabba ta’ Patri Marcellino, li jdawlu mhux biss lil dawk li qed ifittxu l-għajnuna, iżda lil kull min jirfes l-għatba biex anke jassisti u jgħin xi ftit.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea, mill-Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg u l-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.
18.09.2023
Posted Under: Uncategorized