Il-pazjenti tal-kanċer għandhom dritt għall-kimoterapija b’xejn fuq il-formularju
AĦBAR

Il-pazjenti tal-kanċer għandhom dritt għall-kimoterapija b’xejn fuq il-formularju

Waqt laqgħa ta’ qabel il-budget mal-union li tirrappreżenta l-infermieri u l-qwiebel, l-MUMN, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-proposti tal-union huma simili għal dawk tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jiddiskuti mal-MUMN it-triq ’il quddiem għal servizz tas-saħħa aħjar u kundizzjonijiet aqwa għall-ħaddiema tas-settur 

Il-pazjenti tal-kanċer għandhom dritt isibu l-kimoterapija fuq il-formularju tal-gvern, u l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem bis-sħiħ sabiex din tkun prijorità.

Waqt laqgħa ta’ qabel il-budget mal-union li tirrappreżenta l-infermieri u l-qwiebel, l-MUMN, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-proposti tal-union huma simili għal dawk tal-Partit Nazzjonalista.

L-MUMN qed tippreżenta tliet proposti għall-budget li ġej. L-ewwel waħda hi li l-kimoterapija tkun inkluża fil-formularju u l-pazjenti tal-kanċer ma jkollhomx jibqgħu jmorru jittallbu għall-kura jew joħorġu l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn bwiethom.

Qed tipproponi wkoll li jiġu ddedikati xi cubicles fl-Emerġenza għal pazjenti bil-kanċer b’sistema ta’ fast tracking biex jiġu evitati aktar kumplikazzjonijiet ta’ saħħa minn infezzjonijiet li jistgħu jingħaddu lilhom huma u jistennew għal sigħat twal fil-waiting areas.

Il-proposta l-oħra tal-MUMN hi li s-sistema tal-waiting lists tiġi aġġornata biex il-pazjent ikun infurmat li qiegħed fuq lista ta’ stennija u jingħata minnufih data tentattiva għal appuntament jew operazzjoni.

Tul din il-laqgħa, li saret fl-uffiċċju l-ġdid tal-Kap tal-PN fil-binja tal-AŻAD fil-Belt Valletta, Alex Borg qal li dawn il-proposti huma kollha importanti biex ikun garantit servizz aktar effiċjenti għall-pazjenti.

Huwa tkellem ukoll dwar il-kundizzjonijiet tal-infermieri u l-qwiebel, li fuqhom iserraħ il-qasam tas-saħħa, u qal li rridu niżguraw li dawn ikollhom mhux biss salarji adegwati imma wkoll kundizzjonijiet ta’ xogħol li jippermettulhom li jgħixu ħajja ta’ kwalità anke huma.

Alex Borg qal li l-PN se jibqa’ jinsisti fuq titjib fl-infrastruttura, fosthom it-tisħiħ tad-Dipartiment tal-Emerġenza, u t-trasparenza dwar il-waiting lists.

Huwa sostna li bosta minn dak li ġie disukuss kien inkluż fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li għaddiet.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia; ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott u x-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri.

07.10.2026