AĦBAR

Il-PN ikompli jfassal il-politika tiegħu b’aktar laqgħat fost il-ħaddiema

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħaddiema huma s-sinsla ta’ kull kumpanija li, flimkien mat-tmexxija, jaħdmu u jistinkaw biex ikabbru l-operat tagħhom u jagħtu l-aqwa servizz lill-klijenti. Hu għalhekk li jrid jagħti saħħa lill-ħaddiem.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fl-uffiċċji tal-kumpanija National Lottery, li tagħmel parti minn Izi Group, bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Nagħtu Saħħa lill-Ħaddiem”. Hemm hu anke kellu l-opportunità jitkellem mal-ħaddiema preżenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’dawn iż-żjarat, il-Partit qed ikun jista’ jfassal l-aqwa politika li minnha jgawdi l-ħaddiem daqskemm min iħaddmu biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom il-kwalità tal-ħajja li tixirqilhom. Politika mfassla bil-ħaddiema fiċ-ċentru tagħha biex ħadd ma jibqa’ lura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ jisma’ mill-qrib dwar kif dan is-settur qed ikompli jevolvi u jissaħħaħ biex jagħti l-aħjar servizz lill-klijenti tiegħu kif ukoll biex il-prodotti u s-servizzi li joffru jkunu aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Min-naħa tagħhom, l-ogħla uffiċjali tal-kumpanija spjegaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-isfidi li s-settur tal-gaming jiltaqa’ miegħu minn żmien għal żmien, iżda anke kif il-kumpanija tħares ’il quddiem bil-pjanijiet li għandhom imħejjija għall-futur.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione, mill-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo, mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia u mill-President tal-Forum tal-SMEs tal-Partit Nazzjonalista Julian Galea.

21.04.2023