Il-PN se jressaq Abbozz ta’ Liġi dwar is-Solitudni quddiem il-Parlament
AĦBAR

Il-PN se jressaq Abbozz ta’ Liġi dwar is-Solitudni quddiem il-Parlament

Tiftaħ b’Round Table Conference fil-Parlament il-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026 – inizjattiva li ssir kull sena, organizzata mix-Shadow Minister Ivan Bartolo

Is-solitudni mhux qiegħda fost l-anzjani biss – qiegħda fost persuni minn kull qasam tal-ħajja. Irridu nibqgħu naħdmu biex ħadd ma jħossu minsi.

Hekk kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tressaq quddiem il-Parlament Private Member’s Bill dwar il-ġlieda kontra s-solitudni u t-tisħiħ tal-benesseri soċjali f’pajjiżna, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni Ivan Bartolo tkellem dwar kif dan l-abbozz ġie mfassal biex tiżdied il-ħidma biex ħadd ma jħossu waħdu.

Dettalji dwar l-abbozz ta’ liġi ngħataw waqt Round Table Conference li saret dalgħodu fil-Parlament organizzata mix-Shadow Minister Ivan Bartolo fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026 li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa. Kampanja li qed issir fuq l-inizjattiva tal-istess Deputat Nazzjonalista u li tilħaq il-qofol tagħha nhar il-Ġimgħa b’serata li se ssir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u li matulha ssir il-preżentazzjoni tal-Premju Ġustizzja Soċjali għal din is-sena.

Ir-Round Table Conference fil-Parlament tmexxiet minn Dr Francine Abela u nfetħet mill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba. Matulha tkellmu wkoll Paulette Fenech – Kap Eżekuttiv tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar, l-attivista Simone Borg, is-Social Worker Roslyn Vella, il-psikoterapista tal-familja Karl Wright, il-psikoterapista u edukatur Matthew Bartolo, Fr Ivan Attard – assistant lecturer fl-Università ta’ Malta u attivist fl-Anti-Poverty Forum, u x-Shadow Minister Ivan Bartolo.

Fl-intervent tiegħu, Ivan Bartolo qal li jekk trid taħdem għall-ġustizzja soċjali, l-ewwel u qabel kollox trid fittex liż-żgħir, għax huwa biss iż-żgħir li jista’ jgħallmek timxi t-triq tal-ġustizzja soċjali. Huma l-foqra, iż-żgħar, l-esklużi, l-imwarrba, il-minoritajiet, l-imjassra, l-iżvantaggjati, il-vulnerabbli u dawk bla vuċi li jistgħu verament jitkellmu dwar xi tfisser verament il-ġustizzja soċjali.     Huwa qal li sfortunatament l-iżvantaġġjati jinstabu kullimkien – f’kull familja, f’kull komunità, f’kull post tax-xogħol u f’kull istituzzjoni. U r-rwol ta’ dawk fit-tmexxija u tal-politiċi hu li jagħtuhom widen u jwassluhom biex iqisuna differenti minn dawk li magħhom baqgħu passivi.

Matul l-attività tal-lum l-esperti preżenti analizzaw il-fenomenu tas-solitudni fis-soċjetà Maltija u ddiskutew kif din il-problema tista’ tiġi indirizzata. Is-solitudni ma tfissirx sempliċiment li persuna tkun waħidha, iżda hija sens ta’ iżolament li jista’ jaffettwa lil individwi, anke jekk ikunu mdawrin bin-nies.

Kien enfasizzat li din il-problema qed tiżdied, speċjalment fid-dinja moderna, u saret diskussjoni wkoll dwar min huma l-aktar gruppi affettwati mis-solitudni – kategoriji li jinkludu l-anzjani, iż-żgħażagħ, persuni li jgħixu waħidhom, u individwi li jinsabu f’sitwazzjonijiet soċjali diffiċli. L-esperti rrimarkaw li bidliet fil-familji u fil-ħajja soċjali qed jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni u kien spjegat kif is-solitudni jista’ jkollha effetti negattivi fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-individwu, bi problemi bħall-ansjetà, id-dipressjoni u t-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. Dan minbarra li s-solitudni taffettwa wkoll il-komunità b’mod ġenerali.

F’dan il-kuntest ġew diskussi inizjattivi li jistgħu jittieħdu fil-komunità, appoġġ soċjali aktar b’saħħtu u l-introduzzjoni ta’ servizzi li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuni li jħossuhom iżolati. Ġiet diskussa wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-gvern, l-organizzazzjonijiet u s-soċjetà ċivili.

Il-Private Member’s Bill dwar is-solitudni se titressaq quddiem il-Parlament aktar tard din il-ġimgħa. L-għan wara dan l-abbozz ta’ liġi hu li jwassal biex is-solitudni tkun rikonoxxuta bħala materja ta’ importanza soċjali li teffettwa s-saħħa mentali u fiżika u l-kwalità tal-ħajja, waqt li jisħaq fuq l-obbligu tal-gvern li jmexxi ’l quddiem politika li fiha tiġi miġġielda s-solitudni u tissaħħaħ il-konnessjoni soċjali u l-parteċipazzjoni fil-komunità. L-abbozz jipproponi wkoll, fost oħrajn, li jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-NGOs bħala ħolqa ewlenija għall-benesseri tas-soċjetà Maltija.

Il-Kampanja Ġustizzja Soċjali 2026 tkompli b’numru ta’ attivitajiet kuljum sa nhar il-Ġimgħa. Fost l-oħrajn se tinkludi konferenza nazzjonali, quddiesa, numru ta’ żjarat f’postijiet differenti marbutin ma’ din it-tema, u laqgħa mal-NGOs f’dan il-qasam segwita minn konferenza tal-aħbarijiet li matulhom nhar l-Erbgħa l-mistiedna speċjali se tkun il-kantanta Taljana u rebbieħa ta’ Sanremo Annalisa Minetti – li hija meqjusa wkoll bħala vuċi b’saħħitha dwar id-diżabbiltà u l-inklużjoni.

16.02.2026