“Il-politika tal-Gvern Laburista mhix qed issir b’mod ġenwin” – Norma Camilleri

Fid-diskors tagħha l-Ħadd filgħodu fil-Mellieħa, il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bdiet mal-ewwel billi ssostni li l-unika skop tal-politika hu li tagħmel il-ħajja ta’ kull individwu fis-soċjetà aħjar filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk li huma l-iżjed fil-bżonn. Iżda minkejja dan, Norma Camilleri sostniet li dan mhux qed isir.

Camilleri semmiet kif il-ħaddiema taċ-ċivil u tal-aġenziji qed jispiċċaw jintużaw bħala għodda politika, hekk kif is-sistemi qed jintużaw biex jinxtraw il-voti minflok biex jagħtu servizz lil poplu. Kompliet tgħid li din dehret ċara bl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali u fil-bdil tal-indirizzi fil-karti tal-identità, kif rajna li ġara fis-Siġġiewi.

Hi kompliet tgħid li hemm bżonn li l-bniedem jerġa’ jkun fiċ-ċentru tal-politika, sabiex ikollu ħajja diċenti, b’diversi opportunitajiet biex jgħix ħajja sodisfanti għall-familja tiegħu, mingħajr ma jkollu jasal sal-estremi biex iwettaq dan.

Norma Camilleri għamlet ukoll enfasi fuq iż-żagħżagħ, li għandhom ħolm u aspirazzjonijiet kbar, iżda f’pajjiżna ma jħossux li jistgħu jwettquhom. Sostniet l-importanza li ż-żagħżagħ jerġa’ jkollhom l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità li jirriflettu l-kapaċitajiet tagħhom, u li jagħtihom ħlas xieraq biex verament ikunu jistgħu jibnu ħajja u familja f’Malta.

Ikkonkludiet billi ssemmi kif kien hemm diversi ‘kumbinazzjonijiet’ min-naħa tal-Gvern Laburista f’dan iż-żmien tal-elezzjonijiet, fosthom biċ-cheque tat-tax rebates tal-2023 kif ukoll tal-2022, biċ-cheque tal-għoli tal-ħajja, u l-allowance speċjali li qed jirċievu l-ġenituri għall-istudenti – flus li ‘kumbinazzjoni’ ntbagħtu eżatt xahar qabel l-elezzjonijiet.

Spiċċat id-diskors tagħha billi ssostni li politika tajba tfisser li jkollok responsabbiltà, kuraġġ u persistenza, u li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hi politika tan-nies.