Il-proposti tal-Gvern ta’ Robert Abela dwar l-iskart saru ċ-ċajta tan-nies
Il-Partit Nazzjonalista ilu bi pjanijiet għat-tisħiħ fis-settur
L-unika tweġiba tal-Gvern ta’ Robert Abela għas-sitwazzjoni ta’ ħmieġ u telqa mal-pajjiż kollu li ġab hu stess, hija dik li jiġi friżat l-iskart organiku. Proposta li saret iċ-ċajta tan-nies, f’ambjent ta’ lokalitajiet miżgħuda bi traskuraġni u skart.
Miriam Dalli, il-persuna responsabbli mill-immaniġjar tal-iskart, għadha ma ċaħditx li temmen li bl-iffriżar tal-iskart Malta u Għawdex ser ikunu aħjar. Dan huwa sinjal ċar illi il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma wasalx għall-għerq tal-problema u għadu ma fhemx illi s-suppost riforma tal-immaniġjar tal-iskart, li daħħal hu stess, falliet.
Il-politika ekonomika bbażata fuq il-kwantità li beda dan il-Gvern, kif ukoll, in-nuqqas serju ta’ ppjanar tal-Gvern Laburista, faqgħu l-infrastrutturi diversi ta’ pajjiżna fosthom dawk tas-saħħa, tal-enerġija, tat-traffiku, tad-drenaġġ u tal-immaniġjar tal-iskart.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti sabiex minflok il-Gvern għandu jibqa’ jostor il-Carrying Capacity Study, studju li juri kemm u x’jiflaħ il-pajjiż, għandu minnufih jippubblika dan l-istudju u jidħol f’diskussjoni serja ma’ dawk kollha kkonċernati sabiex jitfassal pjan ħolistiku kif dawn l-infrastrutturi jitwaqqfu fuq saqajhom u tinħoloq sinkronija bejn dak li jiflaħ pajjiżna, il-popolazzjoni u l-infrastrutturi meħtieġa. Dan ma jistax isir sakemm il-pajjiż jibqa’ mmexxi fl-għama mingħajr politika ekonomika ċara li timmira għal kwalità u mhux għal kwantità.
Sadanittant u sabiex is-sitwazzjoni ta’ ħmieġ u telqa ma tibqax tiggrava u tibda tissolva, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-proposti li ħareġ 9 xhur ilu, jiġifieri qabel ma wasalna għal din is-sitwazzjoni, u li l-Gvern Laburista injora. Dawn il-proposti jinkludu li:
- Tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart,
- Tinħoloq sistema ta’ koordinazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u l-Amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti.
- Jiġu identifikati hot spots fejn isiru reati ambjentali u jiżdied l-infurzar,
-
Il-Kunsilli Lokali jerġgħu jingħataw ir-responsabbiltà tal-ġbir tal-iskart u jingħataw ir-riżorsi, inkluż dawk finanzjarji sabiex itejbu u jinfurzaw is-sistema.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jenfasizza sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela, jneħħi s-suppervja, jisma’ l-karba tan-nies u joħroġ b’soluzzjonijiet serji u effettivi għas-sitwazzjoni diżastruża ta’ telqa u ħmieġ minflok il-ħafna kliem fieragħ li ma jwassal għalxejn ħlief biex ikunu ċ-ċajta tal-Maltin u l-Għawdxin.
Stanley ZammitKelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Darren Carabott
Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika
04.09.2023