“Illum kulħadd jaf min huma t-tradituri tal-poplu” – Bernard Grech

Il-Ħadd filgħodu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’mass rally fil-Mellieħa fetaħ id-diskors tiegħu bir-realtà li qed naffaċċjaw propju illum – ir-realtà tal-pubblikazzjoni tal-inkjesta maġisterjali.

Bernard Grech saħaq li grazzi għall-kuraġġ tal-MaltaToday, illum għandna l-inkjesta maġisterjali ppubblikata, l-inkjesta li Robert Abela u l-Partit Laburista riedu jżommuha mistura. Huwa għalhekk li Robert Abela qed jattakka lill-midja ta’ pajjiżna u jagħlaq ħalq il-ġurnalisti. Grech sostna li kull kelma fl-inkjesta tkompli ssammar il-konferma li dan il-pajjiż huwa maħkum minn establishment mafjuż u kriminali.

Grech kompla jgħid li issa nafu għalfejn il-Partit Laburista vvota kontra t-tliet mozzjonijiet li l-Partit Nazzjonalista stess ressaq fil-Parlament. Nafu wkoll ir-raġuni tal-attakki biex l-isptarijiet ma jingħatawx lura lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Illum kulħadd jaf min huma t-tradituri tal-poplu, illum kulħadd jaf min hu fuq in-naħa tal-poplu”. Grech semma’ l-kuraġġ li għandha l-Maġistrat tal-Inkjesta Gabriella Vella, kuraġġ għaliex ma beżgħet minn ebda pressjoni u theddid tal-Partit Laburista. Vella kienet interessata fit-tfittxija għall-verità. Huwa proprju għalhekk għalfejn Robert Abela attakkaha, u instiga lin-nies kontra l-Qrati u l-ġurnalisti. Għalhekk Robert Abela kien baqagħlu għażla waħda biss, li hi dik li jipprova jkisser lil min wettaq il-ħidma tal-inkjesta. Robert Abela rema’ lil pajjiżna biex isalva hu, u issa jrid jixtri lill-poplu biex wara jerġa’ jarmih.

Abela huwa maqbud f’morsa mal-predeċessur tiegħu. Illum sirna nafu li Robert Abela waqt li huwa l-Prim Ministru, ilu tlett snin jaf li hemm frodi. Il-Prim Ministru kien jaf bil-provi anke qabel ma ħa din il-kariga għaliex kien qed jagħti pariri lil Joseph Muscat bħala l-konsulent tiegħu.

“Jien Laburist aħrax imma jien ma niflaħx aktar”. Hekk saħqu bosta partitarji tal-Partit Laburista ma’ Grech. Il-poplu jħoss li Robert Abela tradih u mhux joffrilu gvern serju li jserraħlu moħħu li qed jagħmel dak li hu sewwa u li hu tajjeb għalih.

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-pajjiż li bħalissa jinsab f’salib it-toroq, sabiex imexxih ‘il quddiem, u jeħilsu minn nasba kriminali ta’ Robert Abela.

Fid-diskors tiegħu Grech saħaq il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, sabiex pajjiżna jkun jista’ jkompli jirnexxi wkoll fl-Ewropa permezz tal-kandidati Ewroparlamentari Nazzjonalisti.