Illum tibda l-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap tal-PN
Wara li għalaq il-perjodu tat-tiġdid tat-tesserament, it-tesserati eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni issa jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom illum u nhar is-Sibt li ġej, jew fil-jum proprju tal-votazzjoni nhar is-Sibt 6 ta’ Settembru
Illum tibda l-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista li kif jipprovdi l-Istatut tal-PN se jkunu qed jipparteċipaw f’Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati li tilħaq il-qofol tagħha s-Sibt 6 ta’ Settembru bil-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN.
Dan wara li llum f’nofsinhar għalaq il-perjodu tat-tesserament għal dawk li riedu jġeddu s-sħubija biex jikkwalifikaw għal din il-votazzjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN tfakkar li l-votazzjoni bikrija se tkun qed issir illum u nhar is-Sibt li ġej, bl-aħħar sessjoni tal-Konvenzjoni titlaqqa’ s-Sibt 6 ta’ Settembru, li huwa l-jum proprju tal-votazzjoni.
Id-dati, ħinijiet u postijiet tal-votazzjoni f’din l-elezzjoni huma kif ġej:
- Illum l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu 2025
L-ewwel jum tal-votazzjoni bikrija
Malta: Dar Ċentrali PN bejn l-4pm u d-9pm
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat bejn l-4pm u t-8pm
- Nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu 2025
It-tieni jum tal-votazzjoni bikrija
Malta: Dar Ċentrali PN bejn id-9am u s-7pm
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat bejn id-9am u l-5pm
- Is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025
Jum l-elezzjoni
Malta: Dar Ċentrali PN u Każini PN Safi, Tarxien u Mġarr bejn id-9am u s-7pm
Għawdex: Sub-Hdqs tal-PN f’Ta’ Sannat bejn id-9am u l-5pm
Kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali qed torganizza l-votazzjonijiet bikrija ta’ din il-ġimgħa għal dawk il-membri li għal xi raġuni ma jistgħux jivvutaw fil-jum proprju tal-votazzjoni. Madanakollu, kull tesserat eliġibbli biex jivvota jista’ jagħżel hu l-ġurnata u l-post tal-votazzjoni fejn jixtieq jitfa’ l-vot tiegħu, sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex, mingħajr il-ħtieġa ta’ avviż minn qabel f’każ li jkun se jivvota f’xi waħda mill-ġranet tal-votazzjoni bikrija.
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li dawk eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni huma l-membri tal-PN li aġġornaw it-tessera tagħhom skont kif stabbilit fl-Istatut u fir-Regolamenti sa għaxart ijiem qabel jum l-elezzjoni, jiġifieri sas-27 ta’ Awwissu li għadda f’nofsinhar.
Kull min għandu d-dritt tal-vot irid jieħu miegħu l-karta tal-identità maċ-Ċertifikat tal-Vot li ntbagħat fid-djar fil-jiem li għaddew. Dawk li aġġornaw it-tessera tagħhom bejn nhar it-Tnejn u llum f’nofsinhar u se jivvutaw illum stess, jew is-Sibt li ġej 30 ta’ Awwissu, ikunu jistgħu jiġbruh fil-jiem u l-ħinijiet tal-votazzjoni bikrija mill-postijiet tal-votazzjoni rispettivi, qabel jivvutaw.
Din l-elezzjoni qed tkun ikkontestata minn Alex Borg u Adrian Delia li tefgħu n-nominazzjoni tagħhom wara li għaddew mill-proċess ta’ verifika mmexxi mill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista fil-ġimgħat li għaddew.
Mario Callus
Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN
27.08.2025