Impenn biex jinħolqu opportunitajiet ġodda quddiem l-isfidi tan-negozji
AĦBAR

Impenn biex jinħolqu opportunitajiet ġodda quddiem l-isfidi tan-negozji

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-kumpanija Alf Mizzi & Sons

Bħala gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista qed jimpenja ruħu li joħloq opportunitajiet ġodda quddiem l-isfidi li negozji żgħar, medji u kbar iħabbtu wiċċhom magħhom. Hu għalhekk li Gvern ġdid Nazzjonalista jkun sieħeb fl-ideat magħhom biex flimkien inkomplu nkabbru l-ekonomija.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif dalgħodu żar lill-kumpanija Alf Mizzi & Sons, fejn iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-kumpanija f’taqsimiet differenti. Matul iż-żjara, hu ra mill-qrib ukoll il-ħidma li ssir minn din il-kumpanija stabbilita f’pajjiżna.

Alex Borg innota wkoll ir-rwol importanti li għandhom in-negozji lokali, bħal Alf Mizzi & Sons, fit-tkabbir ekonomiku, fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-innovazzjoni. Din il-kumpanija hi waħda mill-ewlenin f’pajjiżna fl-importazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità. Għandha storja twila u reputazzjoni mibnija fuq snin ta’ esperjenza u investiment kontinwu.

Matul iż-żjara, Alex Borg seta’ jisma’ aktar dwar l-operat tal-kumpanija, l-iżviluppi li għaddejja minnhom, kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw in-negozji fil-kuntest ekonomiku attwali. Dan anke fid-dawl tad-diffikultajiet u l-ispejjeż li qed iġġib magħha s-sitwazzjoni internazzjonali. Fid-dawl ta’ dan, tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Ryan Callus, Stanley Zammit u Joe Giglio, kif ukoll mill-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Charles Selvaggi.

15.04.2026