Infasslu qafas ta’ politika li verament iwassalna ’l quddiem, iggwidati mill-valuri tar-rispett, il-kuraġġ u t-tama
AĦBAR

Infasslu qafas ta’ politika li verament iwassalna ’l quddiem, iggwidati mill-valuri tar-rispett, il-kuraġġ u t-tama

Fil-ftuħ tal-Konvenzjoni Nazzjonali “Malta ’l Quddiem”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jappella lil kulħadd biex jingħaqad mal-PN ħalli nibnu pont bejn il-viżjoni u l-azzjoni, biex inħaddmu politika min-nies għan-nies

Minn din il-Konvenzjoni rridu noħorġu qafas ta’ politika li verament iwassalna ’l quddiem, iggwidati mill-valuri tar-rispett, il-kuraġġ u t-tama.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-ewwel sessjoni tal-Konvenzjoni Nazzjonali li qed titlaqqa’ fi tmiem din il-ġimgħa fil-lukanda Excelsior fil-Furjana bit-tema Malta ’l Quddiem. Matul il-Konvenzjoni llum saru numru ta’ workshops dwar temi differenti, waqt li llejla se jsir workshop ieħor f’Għawdex.

Il-qofol tal-Konvenzjoni jintlaħaq għada bis-sessjoni plenarja li wara diskussjoni bis-sehem ta’ numru ta’ esperti dwar il-konklużjonijiet tal-workshops li r-rapporti tagħhom se jitressqu għada, tintemm bid-diskors tal-Kap tal-PN Alex Borg. Għada wkoll, il-Konvenzjoni se tkun indirizzata minn numru ta’ mistiedna internazzjonali.

Din il-Konvenzjoni Nazzjonali hi intenzjonata li toħloq spazju miftuħ fejn il-vuċi tan-nies u tal-esperti jingħaqdu flimkien biex jissawru proposti konkreti għall-ġid tal-pajjiż kollu. F’dan il-kuntest, Alex Borg qal li l-politika tagħmel sens biss meta tibda min-nies u twassal għand in-nies.

Hu enfasizza li din il-Konvenzjoni mhijiex eżerċizzju ta’ diskors bejn il-politiċi, iżda proċess serju ta’ smigħ, diskussjoni u bini kollettiv li jinvolvi individwi, komunitajiet, negozji, għaqdiet volontarji u trejdjunjins.

Minkejja l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin u l-Għawdxin, pajjiżna għandu quddiemu wkoll opportunitajiet ġodda. Għalhekk, hemm bżonn li naħdmu lkoll flimkien iggwidati minn ħsieb kuraġġuż u tmexxija responsabbli. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-ambizzjoni li jkun government-in-waiting, bi proposti kredibbli, programm koerenti u viżjoni ċara għall-preżent u għall-futur.

Il-Kap tal-PN saħaq li l-fiduċja tinbena fuq fatti u responsabbiltà, mhux fuq wegħdi vojta. Għaldaqstant, hu appella biex kulħadd jieħu sehem f’dan il-proċess biex flimkien nibnu pont bejn il-viżjoni u l-azzjoni, bejn it-tama u t-twettiq. Biex tassew naraw li Malta timxi ’l quddiem.

Fil-ftuħ tal-Konvenzjoni Nazzjonali, tkellem ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li qal li biex nagħrfu fejn se nieħdu lil Malta, irridu l-ewwel nieqfu, nisimgħu naraw fejn qegħdin. U huwa proprju dan li qed tagħmel din il-Konvenzjoni, qal Sammut, waqt li fakkar kif dan il-proċess ta’ djalogu ma bediex illum imma ilu li beda b’laqgħat mal-korpi kostitwiti, l-NGOs u l-għaqdiet. Waqt li dan id-djalogu beda jieħu forma iżjed strutturata fl-aħħar Kunsill Ġenerali u l-Assemblej Reġjonali, issa l-Partit għandu quddiemu sitt pilastri li fuqhom irid jibni l-viżjoni tiegħu għas-snin li ġejjin. Biex issa, bis-sehem aktar wiesa’ ta’ kulħadd fil-Konvenzjoni jrid ibiddel l-ideat kollha li rċieva fi proposti konkreti.

Mark Anthony Sammut temm jgħid li ninsabu f’mument importanti ħafna b’elezzjoni ġenerali fil-qrib u l-PN mhux se jikkuntenta ruħu li jmur għall-elezzjoni biex jipprova jmur aħjar, imma jrid imur għall-elezzjoni lest biex ikun il-gvern li jmiss għal dan il-pajjiż, b’direzzjoni ċara u bi programm elettorali li jkun viżjoni sħiħa ta’ pajjiż u ta’ ekonomija li verament tmexxi lil Malta ’l quddiem.

Dawk preżenti kienu indirizzati wkoll minn George Vital Zammit, li hu ċ-Chairperson tal-Konvenzjoni u li qed ifassal il-Programm Elettorali tal-PN, li qal li jekk Partit jieqaf jisma’, isir eku tiegħu stess, u allura din il-Konvenzjoni għandha l-iskop li tisma’ lil kulħadd biex il-PN iħares ‘il quddiem lejn Malta mhux biss kif inhi, imma kif tista’ tkun. Biex il-Partit Nazzjonalista jifhem kif in-nies qed jaraw lil Malta u Għawdex mhux biss bħala l-pajjiż li jixtiequ jgħixu fih, imma kif se nħalluh lil ta’ warajna.

Vital Zammit sostna li l-isfidi li għandna quddiemna mhumiex sempliċi – pressjonijiet demografiċi, ekonomiċi, ambjentali, teknoloġiċi f’dinja li qed issir dejjem aktar kumplessa u mhix skuża li nipposponu d-deċiżjonijiet għax ma għandniex ħin jew flus, għax dak li ma nagħmlux aħna, se jsibuh ma’ wiċċhom ta’ warajna. Għaldaqstant, qal, din il-Konvenzjoni trid tkun laboratorju ta’ immaġinazzjoni u minnha joħorġu l-aħjar soluzzjonijiet.

Wara d-diskorsi tal-ftuħ tal-Konvenzjoni, saru ħames workshops li ltaqgħu fl-istess ħin fl-Excelsior. Is-sitt wieħed se jinżamm illejla fil-Lukanda Kempinski San Lawrenz f’Għawdex.

L-ewwel workshop bit-tema Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha tratta bħala l-punt tat-tluq il-kwalità tal-ħajja, il-popolazzjoni sostenibbli, il-kontroll tat-traffiku u l-ambjent. Dan tmexxa mill-Inġinier Chris Ciantar, filwaqt li l-Perit David Xuereb kien ir-Rapporteur.

Workshop ieħor, bit-tema Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd, tratta l-importanza li tkun indirizzata l-isfida tal-għoli tal-ħajja, kif ukoll li l-pagi għandhom jimxu mal-produttività u ma’ ħiliet ġodda. Kienet diskussa wkoll l-importanza li f’pajjiżna jsir investiment li jgħin lill-kompetittività u lid-dinjità tal-ħaddiem, kif ukoll li jkollna ekonomija reżiljenti u sostenibbli li ssib bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Iżda dan għandu jsir b’rispett lejn is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol kif ukoll b’mudell ekonomiku modern li għandu bżonn il-pajjiż. Dan il-workshop tmexxa minn Kristian Farrugia, bir-Rapporteur kien Hilary Galea Lauri.

It-tielet workshop, bit-tema Komunitajiet b’saħħithom tratta l-importanza li individwi u familji jgħixu fil-lokalità tagħhom għal qalbhom, b’solidarjetà u bis-servizzi essenzjali aċċessibbli fil-komunità, kif ukoll bi kwalità li tirbaħ fuq il-kwantità fl-ippjanar, inkluż dak urban. Kienet diskussa l-ħtieġa ta’ bilanċ fil-bliet u l-irħula tagħna, anke b’Kunsilli Lokali li verament ikollhom il-vuċi li tixirqilhom. Dan il-workshop tmexxa minn Sam Abela, bir-Rapporteur kien Jacques Borg Barthet.

Workshop ieħor kellu t-tema Gvern li jieħu ħsiebek u tmexxa minn Dr Mark Formosa b’Louise Bonnici bħala Rapporteur. Dawk li ħadu sehem f’dan il-workshop iddiskutew l-importanza li pajjiżna jibda jitmexxa minn gvern fejn iċ-ċittadin jiġi qabel is-sistema u fejn il-gvern ikun preżenti tul il-mixja kollha tal-ħajja fost oħrajn b’sistema edukattiva li ssaħħaħ lit-tfal tagħna u b’sistema tas-saħħa li tkun ta’ prijorità.

L-aħħar workshop li tlaqqa’ dalgħodu bit-tema Malta lesta għal għada, tratta kif l-edukazzjoni b’AI u Data Literacy għal kulħadd għandha tkun iċ-ċavetta ta’ għada, flimkien mal-isport, il-kultura u l-prodott turistiku jsiru pilastri ta’ koeżjoni soċjali, kif ukoll fejn l-identità Maltija tevolvi u tissaħħaħ. Dan il-workshop tmexxa minn Janice Darmanin, waqt li r-Rapporteur kienet Dr Angele Pulis.

Il-workshop ta’ Għawdex, li se jitmexxa minn Maria Portelli b’Daniel Borg ikun ir-Rapporteur, se jiddiskuti lil Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista jrid jara li Għawdex, bħala gżira reġjun b’identità u potenzjal distint, jibqa’ jgawdi minn servizzi u opportunitajiet bħal kulħadd u għal kulħadd. Se tkun trattata l-aċċessibbiltà u l-konnettività, fost oħrajn b’infrastruttura u żvilupp li jirrispettaw l-iskala u l-wirt tal-gżira.

Sinteżi ta’ dawk li joħroġ minn dawn id-diskussjonijiet għada se tkun ippreżentata mir-Rapporteur ta’ kull workshop fis-sessjoni finali. Wara, issir diskussjoni dwar l-ekonomija bis-sehem ta’ panel ta’ esperti li se titmexxa mill-Editur ta’ Newsbook Malta u RTK103 Matthew Xuereb. Matulha, Marisa Xuereb, Roberta Lepre, Abigail Agius Mamo u Arthur Galea Salomone se jkunu qed jiddiskutu ma’ dawk preżenti dak li jkun ħareġ mill-workshops.

Qabel d-diskors mistenni tal-għeluq mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, dawk preżenti se jkunu indirizzati wkoll minn diversi mistiedna barranin, fosthom Mikuláš Dzurinda – l-eks Prim Ministru tas-Slovakkja u President tal-Wilfried Martens Centre for European Studies u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u eks Ministru tal-Gvern Spanjol Dolors Montserrat.

21.02.2026

– Niżżel id-dokument tal-Konvenzjoni Nazzjonali Malta ‘l Quddiem minn hawn