Inkunu qed nonqsu bħala pajjiż jekk ma jirnexxilniex niżguraw li kull bniedem jgħix ħajja dinjituża
Il-parteċipanti qalu li rridu nisimgħu l-leħen ta’ dak li qed iġarrab jew qed jgħix fix-xifer – fosthom dawk li qed jesperjenzaw xi tip ta’ faqar f’pajjiżna. Huma sostnew li għandna sitwazzjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati qabel jitfasslu budgets u policies.
Waqt diskussjoni fuq il-politika soċjali, il-Kap tal-PN Alex Borg jinsisti li s-soċjetà hi magħmula minn faxex differenti u rridu niżguraw li naħsbu f’kulħadd
Bħala pajjiż irridu nieħdu ħsieb lil kull persuna. Irridu niżguraw li kull bniedem jgħix ħajja ta’ dinjità. Inutli jissemmew il-miljuni fil-budget, għax jekk ma jirnexxilniex nagħmlu dan, inkunu qed nonqsu bħala Stat.

Waqt diskussjoni li ffukat fuq il-politika soċjali u li xxandret live fuq NET TV mill-Imperial f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar l-importanza li meta nitkellmu fuq il-budget ma ninsew lill-ebda faxxa tas-soċjetà.
Huwa qal li hekk kif qed tirranka d-diskussjoni dwar il-budget, id-diskussjoni tal-lum ma’ kelliema li jirrappreżentaw faxex differenti tas-soċjetà hija waħda li ma tista’ tieqaf qatt.
Alex Borg qal li jrid ikollna politika li ddur mal-bniedem – politika li tittratta b’serjetà problemi bħall-faqar, is-solitudni u s-saħħa mentali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jaħdem kontinwament fuq dan il-qasam, u semma’ l-proposta tan-National Health Village f’Selmun fil-programm elettorali Nifs Ġdid.
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Ivan Bartolo, li pparteċipa f’din l-attività, qal li din id-diskussjoni hija biss parti żgħira mill-ħidma li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam. Huwa qal li pajjiżna dejjem alloka budgets tajbin għall-qasam soċjali, imma minkejja dan kollu għad għandna ħafna nies jgħixu fir-riskju tal-faqar u fis-solitudni.

Huwa qal li Alex Borg qed jaħdem f’dan il-qasam mhux biss permezz ta’ attivitajiet bħal dawn, imma anke b’ħidma li ma tidhirx fuq il-kameras fejn jiltaqa’ ma’ nies li qed jgħixu realtajiet iebsa ħafna.
Ivan Bartolo qal li ż-żgħir għandu jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna u li biex inkunu verament il-paladini tal-politika soċjali, irridu niżguraw li nagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lil dawk il-109,000 persuna f’Malta li jinsabu fir-riskju tal-faqar.
Fl-attività pparteċipaw il-Professur Anna Borg li hija lettur fl-Università, Marika Borth Wirth mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema Soċjali (MASW), Dr Kurt Xerri li huwa lettur fl-Università speċjalizzat fil-politika tal-housing, Marica Cassar li ilha snin taħdem mal-Caritas u Christine Cassar mill-Moviment Graffitti li taħdem ħafna mal-komunità tal-Immigranti.
Il-parteċipanti qalu li rridu nisimgħu l-leħen ta’ dak li qed iġarrab jew qed jgħix fix-xifer – fosthom dawk li qed jesperjenzaw xi tip ta’ faqar f’pajjiżna. Huma sostnew li għandna sitwazzjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati qabel jitfasslu budgets u policies.
Il-kelliema messew ma’ diversi temi, fosthom il-housing fejn ġew elenkati numru ta’ diffikultajiet li qed jiffaċċjaw dawk li qegħdin fil-kera, il-problemi ta’ min qed jissepara u jispiċċa f’diffikultajiet biex isib saqaf fuq rasu, u l-anzjani li mhumiex sidien tad-dar tagħhom.



Isemmew id-diffikultajiet ta’ anzjani li spiċċaw mingħajr pensjoni minħabba ċirkostanzi antiki tagħhom, u anke l-problema ta’ homelessness ta’ persuni li ħerġin minn istituzzjonijiet, bħall-persuni li għadhom ħerġin mill-ħabs jew minn xi programm ieħor ta’ riabilitazzjoni.
Tkellmu wkoll dwar kemm hu importanti li l-liġijiet li għandna f’pajjiżna ma jibqgħux biss kliem fuq karta imma jiġu infurzati b’serjetà, u semmew il-liġijiet dwar id-droga u dwar il-kirjiet fost l-oħrajn.


Il-parteċipanti qalu li minkejja li f’pajjiżna għandna ħafna servizzi, hemm il-problema ta’ min għandu vizzju jew diffikultajiet u mhux qed ifittex għajnuna, u li m’għandux fejn joqgħod, u li n-nuqqas ta’ sostenn f’forma ta’ post fejn joqgħod qed ikompli jxekklu milli verament jibdel id-direzzjoni.
Tkellmu wkoll dwar madwar mitejn tifel u tifla li minkejja li għexu dejjem Malta, meta jagħlqu 18-il sena qed isibu ruħhom mhux rikonoxxuti bħala tfal tal-Istat.
Issemma wkoll il-fatt li l-ġenituri mhux qed ikollhom biżżejjed ħin xi jqattgħu ma’ wliedhom, u kif il-budget għandu jindirizza mhux biss il-flus imma anke din il-problema.

Il-kelliema qalu li huwa sabiħ li nitkellmu dwar wellbeing, imma mbagħad għandna ġenituri li jkollhom iħallu lit-trabi tagħhom fiċ-childcare centres għal ġranet sħaħ biex huma jmorru jaħdmu.
Huma qalu li d-deċiżjonijiet politiċi jridu jqisu sew l-impatt tagħhom fuq kulħadd qabel ma jittieħdu biex inkunu ċerti li ħadd mhu qed jitħalla barra u biex kull bniedem ikollu l-opportunità jgħix ħajja verament ta’ dinjità f’pajjiżna.
Id-diskussjoni tal-lum kienet moderata minn Rebecca Toutoungi.
04.10.2026