Insaħħu lil Malta bħala ċentru marittimu u niftħu aktar opportunitajiet għall-ħaddiema
AĦBAR

Insaħħu lil Malta bħala ċentru marittimu u niftħu aktar opportunitajiet għall-ħaddiema

Waqt żjara fil-Maritime MT, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jispjega kif Gvern Nazzjonalista jrid jeleva lil pajjiżna għal livell ta’ eċċellenza fil-marittimu.

Waqt żjara fil-Maritime MT, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jispjega kif Gvern Nazzjonalista jrid jeleva lil pajjiżna għal livell ta’ eċċellenza fil-marittimu

Pajjiżna għad għandu potenzjal kbir fil-marittimu. Dan il-qasam mhux biss jista’ jagħti kontribut ferm aktar b’saħħtu lill-ekonomija tagħna imma jista’ wkoll joffri xogħlijiet eċitanti u ta’ kwalità lill-ħaddiema Malti.

Waqt żjara fil-Maritime MT bħala parti mill-attivitajiet b’rabta ma’ Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg spjega kif Gvern Nazzjonalista jrid jeleva lil pajjiżna għal livell ta’ eċċellenza fil-qasam marittimu billi jsaħħu b’awtorità li tkun iddedikata kompletament lil dan is-settur.

Huwa qal ukoll li jrid isaħħaħ l-istituzzjonijiet edukattivi li joffru taħriġ lil studenti f’dan il-qasam, bħalma hi Maritime MT, billi studenti li jattendu jingħataw l-istipendju bħalma jingħataw studenti f’istituzzjonijiet post-sekondarji oħrajn. Dan jiżgura li pajjiżna jkollu l-ħaddiema mħarrġa li għandu bżonn biex ikompli jinvesti fil-marittimu. Alex Borg qal li biex nibdew inħeġġu studenti lejn karriera f’dan il-qasam minn età żgħira, iridu jiġu introdotti s-suġġetti relatati fl-iskola sekondarja. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iniedi proġett importanti fis-settur marittimu u għalhekk huwa importanti li jkollna ħaddiema mħarrġa għal dan. 

Maritime MT hija istituzzjoni privata li toffri taħriġ lil baħħara u lil kull min jixtieq jiżviluppa ħiliet għal xogħol marbut mal-marittimu. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Martitime MT Pauline Micallef faħħret il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u qalet li jeħtieġ aktar enfażi biex il-passjoni għall-baħar u l-marittimu tasal għand l-istudenti ta’ età żgħira. Hija qalet li pajjiżna jista’ joffri ħafna opportunitajiet jekk isir l-investiment meħtieġ.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għal din iż-żjara kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri.

29.04.2026