Ir-racket ta’ serq bl-użu ta’ diżabbiltà fittizja hija qiegħ ġdid għall-Gvern ta’ Robert Abela

Li tagħti ċertikati foloz u li tuża’ diżabbiltà fittizja għal gwadann personali, biex tixtri l-voti, hi xi ħaġa li wieħed għandu jistmerr li tiġri, aħseb u ara li tkun maħluqa fil-kurituri ta’ Kastilja.
Ir-racket ta’ serq ta’ fondi pubbliċi tas-servizzi soċjali bil-barka ta’ Kastilja hi ħniżrija li laħqet livelli mill-aktar baxxi ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata u nuqqas ta’ moralità, li m’huma xejn ħlief tal-mistħija.
Li wieħed juża’ diżabbiltà fittizja hi għajb għal min ħa sehem f’dawn l-atti, li m’huma xejn ħlief insult kbir għal min verament għandu diżabbilità u għandu bżonn l-għajnuna kollha biex kemm jista’ jkun jgħix ħajja normali.
Meta wieħed jara l-ammonti involuti f’dan il-frodi ta’ fondi pubbliċi biex ikun aġevolat il-Partit Laburista, naraw li qed nitkellmu fuq miljuni kbar għal madwar erba’ snin. Dawn huma flus li, sfaċċatament, insterqu minn fondi li nġabru mill-ħlas tat-taxxi u tal-bolol tal-poplu biex jitħallsu s-servizzi soċjali, fosthom il-pensjonijiet u l-għajnuniet għad-diżabbiltà.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt li l-Gvern li suppost jgħin lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, minflok mhu qed iħalli li jinħolqu skemi li permezz tagħhom, dawn il-persuni qed jinsterqulhom flus li bihom setgħu saru ħafna aktar investimenti u għajnuna favur l-inklussività soċjali.
Robert Abela għandu jġorr responsabbiltà politika għas-serq kollu li sar mill-benefiċċji soċjali għal dan ir-racket ta’ frodi. Racket maħdum apposta minn għanqbuda sħiħa ta’ nies fil-qalba tal-Labour.
Dan is-serq ġej minn fuq għax il-ħuta minn rasha tinten u hu racket maħdum minn network ta’ kriminalità organizzata bil-barka tal-Gvern ta’ Robert Abela.
Pajjiżna jinsab fi kriżi soċjali, bil-poplu hu rrabjat b’dan is-serq sfaċċat. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex pajjiżna jitnaddaf minn din it-tmexxija ta’ serq u biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom ħajja aħjar f’pajjiżna.
Graziella Galea
Kelliem għall-Inklużjoni u l-Volontarjat
07.09.2023
Posted Under: Uncategorized