Ir-riformi għall-ħarsien tal-ġurnalisti għandhom jitfasslu mal-ġurnalisti
Alex Borg tenna li l-Istat m’għandux jiddeċiedi min jista’ jeżerċita l-ġurnaliżmu u li kull qafas ta’ awtoregolamentazzjoni għandu jitmexxa mill-professjoni nnifisha, b’mod indipendenti mill-gvern.
Il-Kap tal-PN Alex Borg jiltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin; jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ rieda politika min-naħa tal-Gvern biex jissaħħaħ il-ġurnaliżmu
Il-bidliet meħtieġa biex ikunu mħarsa l-ġurnalisti jridu jitfasslu mal-ġurnalisti. Il-politiċi għandhom is-saħħa jilleġiżlaw, imma l-ewwel iridu jikkonsultaw, imbagħad irid ikun hemm ir-rieda politika li dik il-konsultazzjoni tissarraf f’leġiżlazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) immexxija mill-President Nicole Meilak.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jolqtu l-ġurnaliżmu, kif ukoll il-proposti leġiżlattivi li l-Partit Nazzjonalista ħejja biex isaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti. Fost dawn hemm protezzjoni Kostituzzjonali aktar b’saħħitha għall-ġurnaliżmu ħieles u miżuri kontra kawżi abbużivi maħsuba biex jintimidaw jew isikktu lill-ġurnalisti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa ħasra li l-Gvern għal darba oħra wera n-nuqqas ta’ rieda politika tiegħu li jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet meta l-Oppożizzjoni ressqet Mozzjoni waqt seduta urġenti tal-Parlament biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu diskussi. Il-Partit Nazzjonalista ma waqafx mal-le tal-Gvern, u minflok ħejja abbozz ta’ liġi li jkompli jibni fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet u li se jiġi ppreżentat fl-ewwel seduta parlamentari allokata għall-Oppożizzjoni.
Alex Borg tenna li l-Istat m’għandux jiddeċiedi min jista’ jeżerċita l-ġurnaliżmu u li kull qafas ta’ awtoregolamentazzjoni għandu jitmexxa mill-professjoni nnifisha, b’mod indipendenti mill-gvern.
F’dan il-kuntest kienet diskussa l-possibbiltà li jkun hemm Kunsill għall-Media, waqt li ġew diskussi wkoll l-isfidi ekonomiċi tas-settur u finanzjament li ma jkunx ta’ theddida għall-indipendenza u l-libertà tal-ġurnalist.
“L-għan tagħna huwa li l-ġurnalisti jkunu aktar protetti u aktar ħielsa biex jagħmlu xogħolhom, inkluż meta jistaqsu mistoqsijiet diffiċli lil min ikun fil-poter. Għalhekk irridu nisimgħu lill-ġurnalisti u nibnu dawn ir-riformi magħhom,” qal Alex Borg.
Għal-laqgħa, Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Joe Giglio u mix-Shadow Minister għall-Arti, Kultura u Wirt Nazzjonali Justin Schembri li huwa wkoll responsabbli mix-xandir. Id-delegazzjoni tal-IĠM tmexxiet mill-President Nicole Meilak u kienet tinkludi lill-membri tal-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Daniel Ellul, Emma Brownrigg Fenech u Juliana Zammit.
23.09.2026


