Irridu Malta li tibqa’ vuċi kostruttiva fl-Ewropa u fid-dinja, b’politika barranija msejsa dejjem fuq id-djalogu
AĦBAR

Irridu Malta li tibqa’ vuċi kostruttiva fl-Ewropa u fid-dinja, b’politika barranija msejsa dejjem fuq id-djalogu

Il-Kap tal-PN Alex Borg jilqa’ lill-membri tal-Korp Diplomatiku għall-iskambju tal-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida

Irridu naraw li Malta tibqa’ dejjem vuċi kostruttiva fl-Ewropa u fid-dinja permezz ta’ politika barranija li tkun imsejsa l-ewwel u qabel kollox fuq id-djalogu.

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta llum waranofsinhar laqa’ fid-Dar Ċentrali lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal Malta għall-iskambju tal-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida.

Fid-diskors tiegħu quddiem l-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji, Alex Borg irringrazzja lid-diplomatiċi kollha għall-ħidma kontinwa tagħhom favur relazzjonijiet internazzjonali b’saħħithom u ta’ rispett reċiproku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva dik li għadha kemm intemmet bħala  sena ta’ tiġdid profond għall-Partit Nazzjonalista, li llum jinsab ikkonsolidat bħala forza politika serja u preparata biex tassumi r-responsabbiltà tat-tmexxija tal-pajjiż. Huwa saħaq li dan it-tiġdid kien wieħed mibni fuq governanza interna aktar b’saħħitha, politika bbażata fuq kompetenza u professjonalità, u djalogu miftuħ mas-soċjetà ċivili, id-dinja tan-negozju, il-ħaddiema u ż-żgħażagħ.

Fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja Malta, Alex Borg enfasizza l-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul u tmexxija responsabbli, partikolarment fil-ħarsien tal-ambjent, fl-ippjanar sostenibbli, fit-tkabbir ekonomiku ta’ kwalità u fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja li qed tolqot lill-familji u lin-negozji. Huwa sostna li l-prosperità ta’ Malta trid tkun ibbażata fuq ir-reżiljenza, l-inklużività soċjali u l-istabbiltà ekonomika.

Huwa u jirreferi għall-kuntest internazzjonali, il-Kap tal-PN irrimarka kif il-volatilità ġeopolitika qed toħloq pressjonijiet partikolari fuq stati żgħar bħal Malta, u għalhekk is-serjetà fit-tmexxija u l-impenn lejn il-multilateraliżmu huma essenzjali. Huwa kkonferma l-impenn sħiħ tal-Partit Nazzjonalista lejn l-Unjoni Ewropea u s-sħubija ta’ Malta fiha, filwaqt li saħaq li l-futur ta’ pajjiżna huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ dak tal-Ewropa.

 Alex Borg qal li taħt Gvern Nazzjonalista ġdid, Malta se tibqa’ taħdem favur politika mibnija fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u d-difiża tal-interessi nazzjonali. Huwa rrefera wkoll għar-rwol ta’ Malta fil-fora multilaterali, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, l-OSCE, il-Commonwealth, l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, bħala prova li pajjiżna jista’ jħalli impatt lil hinn mid-daqs tiegħu.

Il-Kap tal-PN Alex Borg esprima t-tama tiegħu għal paċi ġusta u dejjiema, kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-Lvant Nofsani, filwaqt li tenna li Malta trid tibqa’ dejjem leħen sod favur id-diplomazija, il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali.

Alex Borg sellem u radd ħajr f’isem il-PN lin-Nunzju Appostoliku għal Malta l-Arċisqof Savio Hon Tai-Fai li jservi wkoll bħala d-Dekan tal-Korp Diplomatiku hekk kif dan wasal biex itemm it-terminu tiegħu f’pajjiżna.

15.01.2026