Irridu Malta Żagħżugħa għax irridu futur aħjar għal kulħadd
AĦBAR

Irridu Malta Żagħżugħa għax irridu futur aħjar għal kulħadd

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti serħan il-moħħ u kwalità tal-ħajja aħjar

Irridu Malta żagħżugħa għax irridu futur aħjar għal kull wieħed u waħda minna. Irridu naraw lill-Maltin u lill-Għawdxin jimirħu f’opportunitajiet ġodda fejn kulħadd jirnexxi bil-ħila tiegħu.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jagħmel dan b’tama u kuraġġ għax jaf dak li kapaċi jwettaq. Din il-fiduċja fina nfusna se twassalna biex nilħqu orizzonti ġodda.

Waqt attività politika f’Bormla lejliet il-preżentazzjoni tal-Budget 2025, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dalgħodu silet it-tema Malta Żagħżugħa li l-Partit Nazzjonalista għażel għall-Kunsill Ġenerali u spjega l-viżjoni ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għal Malta li tibqa’ tiġġedded, tiżviluppa u tikber.

Bernard Grech qal li l-poplu Malti jixraqlu Gvern li jagħtih is-serħan il-moħħ fuq livell ekonomiku, soċjali, edukattiv u ambjentali. Jixraqlu Gvern li jagħtih titjib fil-kwalità tal-ħajja fuq livell personali kif ukoll bħala pajjiż. Jixraqlu Gvern li jkollu direzzjoni u pjan ċari.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern ma għandux din id-direzzjoni u għaldaqstant għada fil-budget, minflok ikun pro-attiv se jkun qed iħabbar biss miżuri reattivi li se jkunu qed jindirizzaw biss il-problemi li ħoloq hu stess.

Bernard Grech fakkar fil-miżuri li ħabbar il-Partit Nazzjonalista u li jassiguraw ġejjieni aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Filwaqt li qal li għada se tkun qed titħabbar żieda għall-għoli tal-ħajja, Bernard Grech fakkar li din iż-żieda se tkun qed tagħmel tajjeb biss għall-prezzijiet li diġà ħallasna bil-għoli għalihom, u għall-prodotti li ilhom jogħloew mill-bidu ta’ din is-sena.  Agħar minn hekk, din iż-żieda se tkun intaxxata.

Il-Kap tal-PN reġa’ appella lill-Gvern biex ma jintaxxax iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u biex għada jħabbar inizjattivi li permezz tagħhom is-settur privat jiġi inċentivat biex jinvesti aktar. Waqt li appella wkoll lill-Gvern biex inaqqas it-taxxi u l-income tax, Bernard Grech fakkar fil-miżuri li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista, u li jinkludu:

  • Li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata
  • Li titnaqqas l-Income Tax għal kulħadd
  • Li jiddaħħlu tax credits għas-settur privat u għas-self-employed biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja
  • Li titnaqqas it-taxxa għall-ġenituri, bitnaqqis fil-Parent Rate u t-tneħħija tal-capping bl-età biex it-tnaqqis fit-taxxa jibqa’ jgħodd sakemm l-istudenti jkunu qed jistudjaw
  • Li tiddaħħal allowance għall-ġenituri romol li ma jħallsux taxxa
  • Li tiddaħħal allowance għall-pensjonanti u r-romol li ma jħallsux taxxa

Bernard Grech qal li biex il-poplu jimxi ’l quddiem, Malta ma tistax titmexxa bl-iskossi minn Gvern li m’għandux direzzjoni stateġika u li hu mifxul bil-problemi li ħoloq huwa stess fis-setturi tas-saħħa, l-ekonomija, l-edukazzjoni u l-infrastruttura.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun gvern b’direzzjoni, gvern iffukat, gvern li jisma’. Gvern li jemmen f’Malta Żagħżugħa għax irid ġejjieni aħjar għal kulħadd.

Bernard Grech fakkar kif dawn il-proposti kollha se jkunu qed isibu posthom fil-programm elettorali tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, li ġie inkarigat biex jibda jaħdem fuqu minn issa Dr George Vital Zammit, u li se jkun il-frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ ħafna nies li qed jersqu ’l quddiem u oħrajn li qed jiġu avviċinati mill-Partit Nazzjonalista.

Il-laqgħa ta’ djalogu fil-Kottonera kienet indirizzata wkoll minn Dr Amy Camilleri Zahra, Lettur fl-Università ta’ Malta; u minn Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers.

Amy Camilleri Zahra tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ investiment fis-settur tas-saħħa mentali u kif l-ambjent għandu impatt fuq is-saħħa mentali. Bħala attivista fil-qasam tal-persuni b’diżabilità hija saħqet fuq l-importanza tal-aċċessibbiltà, trasparenza fir-riforma tal-benefiċċji soċjali għall-persuni b’diżabbiltà, l-aċċess għal-lingwa tas-sinjali u l-ħtieġa ta’ inċentiv qawwi biex ikun hemm iktar professjonisti fil-qasam soċjali.

Josef Vella qal li l-kwalità tal-ħajja tfisser ukoll li tgawdi lill-familja tiegħek. Dwar l-ekonomija, Vella qal li qabel ma nitkellmu dwar niċeċ ġodda, irridu nsaħħu s-settur ekonomiċi li għandna bħalissa. Saħaq dwar il-ħtieġa ta’ tagħlim fis-snajja’ liż-żgħażagħ qabel ma nitilfu s-snajja’ Maltin.

26.10.2024