Irridu nagħtu lin-nies pajjiż fejn jgħixu bla stress u fejn ma jħossuhomx waħidhom
AĦBAR

Irridu nagħtu lin-nies pajjiż fejn jgħixu bla stress u fejn ma jħossuhomx waħidhom

Fil-Qrendi l-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li wasal iż-żmien li jkun ikkunsidrat fixed-term għad-data tal-elezzjoni ġenerali biex ma tinbidilx f’logħba politika

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem anke mill-Oppożizzjoni biex joffri lin-nies l-għażla li jgħixu f’pajjiż fejn kulħadd jista’ jaħdem u jgħix b’inqas stress u fejn ħadd ma jħossu waħdu.

F’attività politika mis-sensiela Qrib Tagħkom fil-Qrendi, f’għeluq l-40 sena mill-ftuħ tal-Każin tal-PN f’dan ir-raħal, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li statistika riċenti wriet kif il-ħaddiem Malti hu fost l-aktar ħaddiema stressjati fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

Huwa qal li filwaqt li hu tajjeb li m’għandniex qgħad, huwa importanti li x-xogħol ma jkunx post li joħolqilna stress. Alex Borg qal li l-politika li qed ifassal il-Partit Nazzjonalista qed taħseb biex toffri opportunitajiet aħjar ta’ xogħol f’niċeċ ġodda għal ħafna ħaddiema.

Huwa qal li l-istess statistika wriet ukoll kif il-pjaga tas-solitudni qed tkompli tikber fost il-Maltin u l-Għawdxin ta’ kull età u l-Partit Nazzjonalista fil-jiem li ġejjin se jkun qed iressaq Private Member’s Bill propju fuq is-solitudni permezz tax-Shadow Minister tiegħu li jinsab iffukat fuq dan, Ivan Bartolo.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-inċertezza li ħoloq il-Gvern fl-aħħar xhur dwar id-data tal-elezzjoni u kif ipprova jsib skuża biex isejjaħ elezzjoni bikrija – l-ewwel meta ħoloq hu stess dik li sejjaħ “kriżi” dwar l-għażla ta’ Prim Imħallef, imbagħad billi pprova jwaħħal fl-Oppożizzjoni, u mbagħad meta – anke jekk ma twemminx – ipprova jbellagħha lin-nies li Malta kienet fi kriżi minħabba l-gwerra fl-Iran.

Huwa qal li wasal iż-żmien li pajjiżna jikkunsidra l-mudell ta’ fixed-term għall-elezzjonijiet bħalma hemm fir-Renju Unit u l-Istati Uniti fost l-oħrajn, fejn id-data tal-elezzjoni tkun fissa u mhux xi logħba politika li jilgħab biha min qed imexxi. Dan, qal Alex Borg, jagħti ċertezza lill-poplu u mhux jiftgħu f’inċertezza kull darba li xi ħadd fil-gvern jgħid nofs ta’ kelma li tqajjem suspett dwar elezzjoni bikrija.

Alex Borg qal li fl-aħħar jiem id-Deputy Leader tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba xejjen kull xniegħa dwar elezzjoni bikrija, iżda issa wieħed irid jara jekk Robert Abela jarmix lid-Deputat Mexxej tiegħu bħalma rema lil ħaddieħor.

Alex Borg qal li minkejja dan kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat u magħqud bħala tim wieħed għall-elezzjoni li jmiss. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista għandu grupp ta’ kandidati u deputati li qed jaħdmu lejl u nhar biex jagħtu lill-pajjiż gvern ġdid li jpoġġi lin-nies l-ewwel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-miżuri li qed jaħdem fuqhom it-tim kollu jridu jiżguraw li jagħtu liż-żgħażagħ tagħna t-tama li jistgħu jibnu futur isbaħ f’pajjiżna stess – fejn ikunu jistgħu jixtru darhom, jibnu karriera eċitanti, u jgawdu lill-familji tagħhom.

Il-Kap tal-PN qal li ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’pajjiż tal-aħna u huma, u li pajjiżna żgħir wisq biex inkunu maqsumin. Dan, qal Alex Borg, irid ikun pajjiż li jgħaqqad flimkien it-talenti u l-enerġija ta’ kulħadd biex verament inkunu l-aqwa.

Alex Borg qal li l-poplu jrid gvern li jwettaq dak li jwiegħed, u li għandu direzzjoni ċara. Fakkar kif dan il-Gvern wiegħed ħafna fit-trasport – b’wegħda ta’ metrò li sal-lum għadha biss fuq il-website. Hu qal li wara li falla miżerjament b’din il-wegħda, il-Gvern nieda l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna fil-Viżjoni Malta 2050 fejn qalilna li t-trasport tal-massa kien għad irid jitħabbar, iżda issa Robert Abela qalilna li m’għandux pjan u li rridu nistennew sa wara l-elezzjoni biex naraw biex se joħroġ. Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan serju għat-trasport tal-massa u fl-ewwel 100 jum fil-gvern jibda x-xogħol fuq sistema moderna li tagħti lura lin-nies il-ħin li bħalissa qed jaħlu mwaħħlin fit-traffiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar miżuri oħra li jridu jtejbu l-ħajjiet tan-nies u qal li l-Maltin u l-Għawdxin fis-sena li ġejja se jkollhom quddiemhom deċiżjoni kruċjali dwar x’futur iridu jagħtu lit-tfal u ż-żgħażagħ, dwar x’pajjiż irridu għall-anzjani tagħna, dwar x’futur se nagħtu lill-ħaddiema tagħna.

Hu saħaq li bħalma l-Partit Nazzjonalista kien determinat li jagħti l-Indipendenza lil Malta, kif kien determinat li jagħti li pajjiżna postu fl-Ewropa, hekk illum huwa determinat li jagħti direzzjoni lil pajjiżna u futur aħjar lill-Maltin u lill-Għawdxin.

Qabel l-intervent tal-Kap tal-PN tkellmu wkoll il-konsulent Joe Farrugia, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN u kandidat għall-elezzjoni ġenerali Joseph Grech u x-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott.

Joe Farrugia qal li l-mod kif qed jinbidel pajjiżna mhux neċessarjmanet huwa għall-aħjar u ż-żmien ta’ qabel elezzjoni huwa żmien fejn wieħed għandu jevalwa d-direzzjoni li jkun miexi fiha l-pajjiż. Huwa qal li bħalissa f’pajjiżna l-attività ekonomika mhux dejjem qed twassal għal titijib fil-ħajja tan-nies. Hu qal li dan hu spiss frott ta’ nuqqas ta’ ppjanar bħalma seħħ meta żidna l-popolazzjoni mingħajr ma ħejjejna lil pajjiżna, b’mod partikolari fl-infrastruttura.

Joe Farrugia qal li ħafna qed iħossu li ma jistgħux ilaħħqu bil-pagi li għandhom u qal li dan huwa wkoll riżultat ta’ nuqqas ta’ niċeċ ġodda li joffru pagi li jirriflettu l-bżonnijiet tal-ħajja tal-lum. Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni li qbadna fit-turiżmu biex nimmiraw għal turist aktar ta’ kwalità milli kwantità.

L-isfidi li qed jiffaċċjaw il-familji żgħażagħ biex ilaħħqu mal-ħajja u l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ħafna nies fil-ħajja ta’ kuljum kienet it-tema li tkellem dwarha Joseph Grech. Huwa qal li ż-żgħażagħ mhumiex jitolbu mirakli imma sempliċement li jgħixu ħajja diċenti u mhux li jaqtgħu nifishom biex jixtru darhom jew biex ilaħħqu mal-ħajja sfrenata li qed jgħixu biex jippruvaw ilaħħqu. Il-familji żgħażagħ jixtiequ li l-ekonomija li sejra tajjeb tilħaq lilhom ukoll u mhux biss lill-ftit.

Joseph Grech qal li meta l-Prim Ministru qabbel lil Malta mal-Iżvezja kien selettiv ħafna u ma qalx kif il-paga medja f’Malta hi ferm inqas minn dik tal-Iżvezja filwaqt li l-ħajja hi ferm ogħla. Ma qalx kemm hija differenti s-sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol fiż-żewġ pajjiżi u kif il-ħaddiema Maltin huma stressjati d-doppju ta’ dawk fl-Iżvezja. Grech qal li pajjiżna jrid strateġija serja għall-akkomodazzjoni li ma tħalli li ħadd barra. Irid sistema tat-trasport li tagħti lura lin-nies il-ħin u tnaqqas l-istress fit-toroq. In-nies iridu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u mhux aktar slogans. Għax pajjiż li jħalli lilll-ħaddiema stressjati u għajjenin mhux kejl ta’ suċċess. “Irridu Malta li tieħu ħsieb lin-nies. Li tkun aktar ġusta. Fejn l-ekonomija tkun għas-servizz tan-nies. Dan hu l-pajjiż li l-PN irid jagħti lin-nies,” temm jgħid Joseph Grech.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li ħames snin huwa perjodu twil ta’ żmien li jista’ jbiddel drastikament il-ħajja ta’ persuna u ta’ pajjiż. F’ħames snin il-popolazzjoni żdiedet bi 30,000. Carabott spjega kif f’disa’ snin, f’pajjiżna ħargu 326,000 permess ta’ xogħol ġdid. Huwa qal li dan juri kif dan il-Gvern illimita l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna għal mudell li mhux sostenibbli, u għalhekk irridu nbiddlu l-mudell ekonomiku. Darren Carabott qal li Robert Abela minflok qal iva għal niċeċ ġodda u mudell ekonomiku sostenibbli, qal iva lit-traffiku, qal iva lin-nuqqas ta’ spazji miftuħa, lill-falliment fl-infrastruttura u fid-drenaġġ, u qal iva lid-densità fil-popolazzjoni. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem differenti u qed jaħdem fuq soluzzjonijiet.

Il-ħames snin li ġejjin, qal Darren Carabott, huma importanti ħafna għalina lkoll u għal pajjiżna, u d-deċiżjoni li se nieħdu fi ftit żmien ieħor hija kruċjali. Fuq naħa hemm Gvern Laburista li fi 13-il sena ħoloq problemi li ma solviex. U fuq in-naħa l-oħra hemm Gvern ġdid Nazzjonalista li lest jagħmel id-differenza u li lest jagħtik ħajja aħjar. Hu temm jgħid li hemm bżonn il-kapitlu ġdid li jmiss bi Gvern ġdid Nazzjonalista.

19.04.2026