Irridu naraw li ż-żgħażagħ kollha jirnexxu f’ħajjithom
Jeħtieġ naraw li ż-żgħażagħ kollha jirnexxu f’ħajjithom. Hu għalhekk li rridu nibqgħu ninvestu fl-edukazzjoni u noffru lill-istudenti l-opportunitajiet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur il-Freshers’ Week fl-MCAST
Jeħtieġ naraw li ż-żgħażagħ kollha jirnexxu f’ħajjithom. Hu għalhekk li rridu nibqgħu ninvestu fl-edukazzjoni u noffru lill-istudenti l-opportunitajiet li jeħtieġu biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan waqt żjara li għamel fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, fl-okkażjoni tal-Freshers’ Week, hekk kif l-istudenti qed jibdew sena akkademika ġdida.
Matul iż-żjara, Alex Borg iltaqa’ ma’ studenti u edukaturi, filwaqt li żar l-attivitajiet u l-istands organizzati fuq il-kampus tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija biex jilqgħu lill-istudenti fil-bidu tal-vjaġġ akkademiku tagħhom.
Il-Kap tal-PN sema’ direttament mingħand l-istudenti dwar l-esperjenzi tagħhom, l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom matul il-perjodu tal-istudji, iżda mhux biss.
Alex Borg saħaq fuq l-importanza li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom l-opportunità li jirnexxu, irrispettivament mill-qasam ta’ studju li jagħżlu, kif ukoll li l-edukazzjoni tkun mezz li twassal għal aktar opportunitajiet u għal futur aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisma’ lill-istudenti u lill-edukaturi, filwaqt li jaħdem biex l-edukazzjoni tkompli toffri l-għodod u l-opportunitajiet meħtieġa biex iż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Jerome Caruana Cilia u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Eve Borg Bonello.
06.10.2026










