Irridu nibnu mill-ġdid lil din il-Malta li qed nitilfu
AĦBAR

Irridu nibnu mill-ġdid lil din il-Malta li qed nitilfu

Fid-diskors tiegħu dwar l-estimi tal-Budget għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Oppożizzjoni qed tfittex l-għaqda u qed taħdem favur il-poplu u l-pajjiż, u mhux kontrihom.

Il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-Oppożizzjoni qed tfittex l-għaqda u qed taħdem favur il-poplu; Robert Abela u Clyde Caruana ma jistgħux jifhmu l-problemi tan-nies

Irridu nibnu mill-ġdid lil din il-Malta li qed nitilfu.

Fid-diskors tiegħu dwar l-estimi tal-Budget għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Oppożizzjoni qed tfittex l-għaqda u qed taħdem favur il-poplu u l-pajjiż, u mhux kontrihom.

Alex Borg qal li Robert Abela u l-Gvern tiegħu ma jistgħux jifhmu l-problemi tan-nies.

Filwaqt li ż-żgħażagħ, il-ħaddiema u n-negozji jridu jaħdmu bil-għaqal u jikkalkulaw kull ewro, Robert Abela ma ddejjaq xejn jonfoq €120,000 minn fondi pubbliċi fuq mawra fl-Amerka. Ftit jiem ilu, Clyde Caruana qalilna li, meta kien il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus, tħallas €90,000 għal xogħol part-time fuq rapport li għadu mistur.

Kif jista’ l-Ministru tal-Finanzi jifhem il-problemi tan-nies li jridu jgħaddu bil-paga tagħhom? Kif jista’ l-Prim Ministru jgħid li jifhem liż-żgħażagħ li ma jaffordjawx jixtru dar?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-PN kien ippropona li min jixtri l-ewwel dar tiegħu b’self jingħata għotja kull xahar u li ż-żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ma jħallsux taxxa għal ħames snin konsekuttivi. B’hekk, l-għajnuna tingħata meta jkun hemm l-aktar bżonnha.

Dan il-Budget reġa’ naqas milli jindirizza kemm il-problemi tan-nies kif ukoll dawk tal-pajjiż. Fosthom hemm in-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa, il-problemi fis-sistema edukattiva, il-produttività baxxa, it-traffiku u l-problemi fil-provvista tad-dawl.

Il-Gvern reġa’ ġie quddiem il-poplu bla ebda pjan ambizzjuż biex itejjeb il-ħajja tan-nies. Fi kważi erbatax-il sena fil-Gvern, ma ħalla l-ebda legat lil pajjiżna ħlief traffiku, kaos u popolazzjoni akbar.

Dan jikkuntrasta bil-qawwi mal-legat ta’ Gvern Nazzjonalista li għadna ngawdu sal-lum. Fost il-proġetti li ħalla warajh hemm l-Isptar Mater Dei, l-ajruport, il-Freeport, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija, flotta ta’ tliet vapuri għal Għawdex, skola ġdida kull sena, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u ħafna proġetti oħra. Ma’ dawn jiżdiedu s-servizzi ġodda li daħħal, fosthom il-Meals on Wheels, it-Telecare, il-mediċini tal-POYC u s-servizz tal-infermiera. Il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li ħaseb għall-futur dehret ukoll fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fl-introduzzjoni tal-ewro u fl-iżvilupp ta’ niċeċ ekonomiċi li għadna nserrħu fuqhom illum.

Il-Gvern baqa’ ma ħarisx ’il quddiem u naqas milli jagħti inċentivi għall-investiment fl-intelliġenza artifiċjali, fit-teknoloġija u fid-diġitalizzazzjoni. Investiment bħal dan jgħin biex il-pajjiż ikollu direzzjoni u s-settur pubbliku jsir aktar effiċjenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dmir l-Oppożizzjoni hu li tagħmel xogħolha bħala Oppożizzjoni għall-Gvern u li taħdem favur il-pajjiż.

“Nixtieq Malta fejn min jaħdem u min iħaddem ikollhom ħin għall-ħajja. Fejn iż-żgħażagħ jaraw futur. Fejn l-identità tagħna tkun imħarsa. Irridu nfittxu l-għaqda biex kulħadd jimxi ’l quddiem. Jien qiegħed hawn biex ngħaqqad lil Malta kollha. Malta jixirqilha aħjar.”

23.11.2026