Irridu niżguraw li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tkun post fejn il-persuna tirriforma ruħha b’dinjità
AĦBAR

Irridu niżguraw li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tkun post fejn il-persuna tirriforma ruħha b’dinjità

Waqt żjara f’Kordin, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li hu importanti wkoll li ssir ġustizzja mal-vittmi

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha rwol importanti f’pajjiżna, partikolarment biex tara li l-persuna tkun irriformata b’dinjità. Dan minbarra l-ħidma importanti ta’ preparazzjoni li ssir f’dan il-post biex ir-residenti jerġgħu jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà. Hu għalhekk li rridu nkomplu naħdmu biex din il-Faċilità tibqa’ ssaħħaħ il-ħidma tagħha.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn kellu l-opportunità jsegwi mill-qrib il-ħidma li ssir f’dan il-post u jiltaqa’ ma’ uffiċjali u persuni oħrajn involuti fil-qasam korrettiv. Ma’ dawn kien hemm ukoll l-istaff mediku u membri fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi (CSA).

Waqt li ntlaqa’ mid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva Chris Siegersma u ċ-Chief Operations Officer il-Kurunell Etienne Scicluna, il-Kap tal-PN seta’ jisma’ aktar dwar il-ħidma – imma anke l-isfidi – li r-residenti u l-uffiċjali f’dan il-post jiffaċċjaw ta’ kuljum, kif ukoll dwar l-importanza li l-qasam korrettiv jitmexxa b’serjetà u b’sens uman, f’ambjent fejn wieħed ikun jista’ jirriforma ruħu biex ma jerġax iwettaq reat ieħor.

Il-Kap tal-PN iddawwar mal-Faċilità u żar fost l-oħrajn il-klinika, il-kappella u l-Learning Hub. Ittieħed jara wkoll numru ta’ diviżjonijiet differenti magħżulin mit-tmexxija tal-Ħabs u żar ukoll il-forn tal-Ħabs qabel ma kellu laqgħa privata mat-tmexxija tal-Faċilità.

Akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott u mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, Alex Borg tenna l-importanza wkoll li ssir ġustizzja mal-vittmi, fejn ir-residenti tal-Faċilità Korrettiva jifhmu li dak li wettqu kien ħażin u li hemm riperkussjonijiet għal deċiżjonijiet ħżiena li jkun ħadu.

Madanakollu, wieħed dejjem għandu jżomm f’moħħu li f’entitajiet bħall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, persuna tista’ tirriforma ruħha u tingħata l-ambjent, l-għajnuna u l-għodda kollha biex eventwalment ma terġax twettaq reati oħrajn u toħloq vittmi oħrajn.

10.04.2026