Irridu nsaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ biex niżguraw li jkollna ħaddiema mħarrġin għax-xogħol ta’ għada
AĦBAR

Irridu nsaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ biex niżguraw li jkollna ħaddiema mħarrġin għax-xogħol ta’ għada

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-produttività u kif se niżguraw li din tikber, dwar  infrastruttura li qed iċċedi, u dwar il-bżonn urġenti ta’ sistema ta’ transport tal-massa li sservi lin-nies, u li ttaffi mill-piż tat-traffiku li qed iġorru fuqhom anke n-negozji.

F’laqgħa mal-Malta Employers, il-Kap tal-PN Alex Borg jiddiskuti l-futur tax-xogħol u l-ħtieġa ta’ sistema effiċjenti tat-trasport tal-massa

Biex niżguraw li l-ħaddiema ta’ għada jkunu lesti għad-dinja tax-xogħol li dejjem qed tinbidel, irridu ninvestu llum f’taħriġ fil-ħiliet, fl-Intelliġenza Artifiċjali u fl-edukazzjoni.

Waqt laqgħa mal-Malta Employers, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li ma nistgħux nitkellmu fuq il-futur tax-xogħol mingħajr ma nitkellmu dwar kif se nħejju għalih. Huwa qal li l-edukazzjoni trid tiġi direzzjonata biex tħejji lill-istudenti għax-xogħol li se jkollna fis-snin li ġejjin.

Alex Borg tkellem ukoll dwar il-produttività u kif se niżguraw li din tikber, dwar  infrastruttura li qed iċċedi, u dwar il-bżonn urġenti ta’ sistema ta’ transport tal-massa li sservi lin-nies, u li ttaffi mill-piż tat-traffiku li qed iġorru fuqhom anke n-negozji.

L-Assoċjazzjoni, min-naħa tagħha, ukoll insistiet fuq il-bżonn ta’ pjan fit-tul fil-qasam tat-trasport bi qbil bejn iż-żewġ partiti, u li dan il-proġett jibda jitwettaq illum qabel għada. Saħqet ukoll fuq l-importanza li n-numri u t-tkabbir ekonomiku jissarrfu fi kwalità tal-ħajja aħjar u fuq il-bżonn ta’ governanza tajba.

Din il-laqgħa, li kienet parti minn sensiela ta’ laqgħat tal-Partit Nazzjonalista mal-imsieħba soċjali qabel il-budget li ġej, saret fl-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott; ix-Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi Michael Piccinino u l-Kelliema għax-Xogħol Annabelle Cilia.

16.10.2026