Irridu nsaħħu l-kompetittività tan-negozji u nappoġġjaw il-ħaddiema
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur il-kumpanija PricewaterhouseCoopers fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ekonomija b’saħħitha tinbena fuq settur privat li jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ, li jkun kompetittiv u li jkun kapaċi joħloq impjiegi ta’ kwalità. Hu għalhekk li hemm bżonn li nkomplu naħdmu biex noħolqu ambjent ekonomiku li jippromwovi t-tkabbir, l-innovazzjoni u opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara fl-uffiċċji ta’ PricewaterhouseCoopers (PwC Malta) hekk kif il-Partit Nazzjonalista kompla b’aktar żjarat f’postijiet tax-xogħol bħala parti mill-attivitajiet li ta’ Jum il-Ħaddiem. Il-Kap tal-PN enfasizza wkoll l-importanza li l-istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżna jħarrġu u jinċentivaw liż-żgħażagħ biex ikunu parti mis-settur finanzjarju.
Fl-uffiċċji tal-kumpanija multinazzjonali tal-accounting f’Ħal Qormi, il-Kap tal-PN intlaqa’ mit-tmexxija tal-kumpanija filwaqt li ltaqa’ wkoll ma’ diversi impjegati, fejn seta’ jsegwi mill-qrib il-ħidma tagħhom. Il-PwC hi waħda mill-kumpaniji ewlenin f’Malta li joffru servizzi finanzjarji varji u tagħti kontribut sinifikanti għall-ekonomija u l-iżvilupp tas-settur finanzjarju f’pajjiżna.
Alex Borg tenna li żjarat bħal dawn jgħinu biex il-Partit Nazzjonalista jinkludi l-ideat ta’ kumpaniji bħall-PwC fil-viżjoni tiegħu, hekk kif sema’ aktar dwar l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom il-kumpanija, kif ukoll ix-xogħol li qed isir f’oqsma differenti tal-ekonomija u l-opportunitajiet li jiffaċċjaw in-negozji f’kuntest ekonomiku, li qed jinbidel kontinwament.
Akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graham Bencini, Darren Carabott u Ryan Callus, kif ukoll mill-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali Frederick Aquilina, il-Kap tal-PN seta’ jifhem ukoll ir-rwol kruċjali li għandhom kumpaniji bħall-PwC fit-tkabbir ekonomiku, fl-innovazzjoni u fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna.
27.04.2026


