Is-servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi ta’ reati huma kruċjali u għandhom ikunu sostnuti b’aktar effiċjenza fil-Qrati
Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-Victim Support Agency; jitkellem mal-ħaddiema dwar is-servizzi li toffri l-aġenzija u jappella għal ħidma konġunta bejn il-Qorti Kriminali u dik tal-Familja biex jonqos iż-żmien li fih jinqatgħu l-każijiet
Il-ħidma tal-Victim Support Agency hija kruċjali għall-vittmi ta’ reati u qraba tagħhom, u għandha tkun appoġġjata b’aktar effiċjenza fil-Qrati biex kemm jista’ jkun ma jgħaddux minn tbatija żejda sforz dewmien eżaġerat biex ikunu deċiżi l-każijiet.
Waqt żjara lill-Victim Support Agency fil-Belt Valletta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sema’ dwar il-ħidma li ssir ta’ kuljum mill-ħaddiema ta’ din l-aġenzija. Ħidma ta’ sostenn għal vittmi ta’ reati u għall-qraba u l-maħbubin tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Brian Farrugia flimkien ma’ Sylvana Gafà, Kap tas-Servizzi, tkellmu dwar is-servizzi li jingħataw lil persuni li jirrikorru għand il-Victim Support Agency biex ifittxu l-għajnuna. Dawn il-persuni jkunu qed ifittxu apoġġ f’mumenti diffiċli ta’ biża’ u ansjetà u l-uffiċjali tal-Aġenzija joffru servizzi varji skont il-bżonn, minn sostenn emozjonali sa uffiċjali li jakkumpanjaw lill-vittmi fil-Qorti biex jagħtunhom l-appoġġ li jkollhom bżonn.
Din l-Aġenzija toffri servizzi varji lil vittmi ta’ tipi ta’ abbużi differenti – inkluż aggressjoni, serq, frodi u vjolenza domestika, u l-għan tagħha hi li toffri sostenn olistiku lil dawk li jirrikorru għandha kemm bħala vittmi kif ukoll jekk huma qraba tal-vittmi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li x-xogħol importanti li jsir minn din l-Aġenzija u minn għaqdiet volontarji f’dan il-qasam jeħtieġ li jkun sostnut ukoll fil-Qrati billi fejn possibbli f’każijiet ta’ reati, inkluż ta’ vjolenza domestika, ikun hemm amalgamazzjoni tal-Qorti Kriminali u dik tal-Familja. Dan jista’ jwassal għal każijiet iqsar u allura inqas tbatija għall-vittmi u għall-familji tagħhom.
Jakkumpanjaw lil Alex Borg waqt din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott u x-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ.
20.04.2026

