Is-settur marittimu f’pajjiżna għad fadallu potenzjal kbir li rridu nagħrfu nisfruttaw
AĦBAR

Is-settur marittimu f’pajjiżna għad fadallu potenzjal kbir li rridu nagħrfu nisfruttaw

Il-Kap tal-PN saħaq ukoll fuq l-importanza li Malta tħares lejn opportunitajiet ġodda, fosthom fil-bunkering u fl-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-provvista ta’ fuels aktar nodfa għall-bastimenti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg jiltaqa’ mal-Malta Maritime Forum bi tħejjija għall-budget

Il-qasam marittimu għandu potenzjal enormi li pajjiżna jrid jisfrutta permezz ta’ investiment ambizzjuż, infrastruttura moderna u direzzjoni ċara.

Dan saħqu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Malta Maritime Forum, immexxi miċ-Chairman Godwin Xerri.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem għaraf l-importanza strateġika ta’ dan is-settur u investa fih b’ambizzjoni.

Huwa nnota li hemm qbil bejn il-PN u l-Forum dwar diversi prijoritajiet, fosthom il-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-infrastruttura, il-ħarsien tal-kompetittività tal-industrija u viżjoni fit-tul li tagħti ċertezza lil dawk li jaħdmu u jinvestu f’dan il-qasam.

Il-Kap tal-PN saħaq ukoll fuq l-importanza li Malta tħares lejn opportunitajiet ġodda, fosthom fil-bunkering u fl-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-provvista ta’ fuels aktar nodfa għall-bastimenti.

Min-naħa tiegħu, Godwin Xerri esprima t-tħassib tal-Forum dwar l-instabbiltà internazzjonali u l-effetti tagħha fuq l-industrija marittima, partikolarment wara l-attakk fuq il-bastiment Chelsea 3 fil-Baħar l-Iswed.

Fost il-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-Forum hemm ukoll l-impatt negattiv tas-sistema Ewropea għall-kwoti tal-emissjonijiet, l-ETS, fuq il-kompetittività tal-portijiet Maltin. Huma saħqu li l-ħarsien tal-ambjent għandu jsir b’mod li ma jpoġġix lil Malta fi żvantaġġ minħabba r-realtajiet ġeografiċi tagħha u d-dipendenza tagħha fuq it-trasport bil-baħar.

Il-Forum ressaq ukoll il-proposta ta’ awtorità marittima waħda b’responsabbiltajiet ċari u ffukati, kif ukoll mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat politiċi biex id-deċiżjonijiet strateġiċi dwar is-settur ikunu msejsa fuq viżjoni komuni fit-tul.

Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ marittimu, mhux biss għall-ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar, iżda wkoll fil-professjonijiet marbuta mas-settur, fosthom l-ekonomija, il-liġi u l-ġestjoni tan-negozju.

Preżenti flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Mobbiltà Sostenibbli Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Darren Carabott.

Il-laqgħa saret fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Belt Valletta bħala parti mis-sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali bi tħejjija għall-Budget 2027.

13.10.2026