It-tfal u l-familji jistħoqqilhom sistema tal-ġustizzja li taħdem u li tħarishom
AĦBAR

It-tfal u l-familji jistħoqqilhom sistema tal-ġustizzja li taħdem u li tħarishom

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jitkellem fil-Parlament dwar ir-riforma bżonjuża tal-Qorti tal-Familija; jgħid li rridu nkunu aktar kuraġġużi f’dir-riforma

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar il-ħtieġa tar-riforma li qed issir fil-Qorti tal-Familja u qal li din ir-riforma trid tkun aktar kuraġġuża.

Filwaqt li qal li din ir-riforma hija meħtieġa, Alex Borg qal li biex verament issir ġustizzja ma’ ħafna familji u tfal, irid ikun hemm sistema waħda, koerenti, li tagħti deċiżjonijiet malajr u b’responsabbiltà.

Hu kien qed jirrefera għall-qasma li hemm f’ċerti każijiet bejn il-Qorti tal-Familja u l-Qorti Kriminali.

Alex Borg qal li meta għandek żewġ binarji, wieħed kriminali u ieħor tal-familja, spiss tispiċċa b’konfużjoni, dewmien ta’ ġustizzja għall-vittmi, u tfal f’nofs battalja li ma għażlux huma.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li din il-liġi tkun tinkludi wkoll linji gwida ċari dwar il-manteniment – xi ħaġa li sa issa hija nieqsa. Huwa qal li ċarezza fil-linji gwida f’dan il-qasam ifissru aktar serħan il-moħħ għall-familji.

Alex Borg saħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ ġustizzja li ma ddumx biex tasal, aktar u aktar meta din timpatta lit-tfal, li għalihom sena hija żmien twil ħafna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab aktar kuraġġ fuq il-ġurisdizzjoni meta tidħol il-vjolenza domestika, inqas dewmien b’limiti reali u aktar ċarezza fil-liġi dwar il-manteniment għaliex din mhijiex biss diskussjoni dwar liġi imma hija diskussjoni dwar ħajjet tfal u famillji.

03.03.2026