It-Tnejn li ġej irridu nibdew infejqu lil Malta u Għawdex tagħna
AĦBAR

It-Tnejn li ġej irridu nibdew infejqu lil Malta u Għawdex tagħna

Mhux biżżejjed li tkun irrabjat u tikteb fuq Facebook. Lil Robert Abela trid tgħidlu li mhux se tħallih jagħmel li jrid. Għax jekk se tħallih, se jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd. Għalhekk, nhar it-Tnejn li ġej kunu magħna għall-protesta l-Belt Valletta. Ejjew nibdew infejqu lil Malta u Għawdex tagħna.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fil-programm Kuntatt fuq NET FM, ftit sigħat wara li – fuq il-mezzi soċjali – ħabbar li t-Tnejn li ġej il-Partit Nazzjonalista se jorganizza protesta, fis-6pm quddiem il-Parlament, biex il-poplu jsemma’ l-vuċi tiegħu kontra s-serq u l-frodi li wettqu l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri, li huma qrib ħafna ta’ Robert Abela.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista t-Tnejn li ġej għax dan hu pajjiżna u għax bil-frodi li qed isir, qed ninsterqu aħna lkoll. Mhux biżżejjed li Clayton Bartolo u Clint Camilleri jgħidu “sorry”, li issa issa saret l-akbar daħqa f’wiċċ il-poplu għax fil-ħajja normali, wieħed irid iħallas għall-ħażin li jagħmel.

Spjega kif, sfortunatament, pajjiżna qed jitmexxa minn Gvern li jaħseb li ma jista’ għalih ħadd u li jista’ jibqa’ jitmejjel bin-nies. Wara r-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda, ħafna ħasbu li Robert Abela u sħabu se jieħdu nota u jibdew iġibu ruħhom aħjar. Iżda, għax hu dgħajjef u b’idejh marbutin, Robert Abela spiċċa kkontrollat. U għax għeja u m’għandux ideat, spiċċa jrid is-soluzzjonijiet mingħand il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li t-Tnejn li ġej, il-Maltin u l-Għawdxin iridu jwasslu messaġġ lil Robert Abela u sħabu li jridu jieqfu jonfqu l-flus biex jeħduhom huma u ta’ madwarhom, filwaqt li jħallu lill-poplu jbati. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu jgħidu li ma jaċċettawx kif Ministru ta promotion, li swiet €70,000 minn flus il-poplu, lill-ħabiba tiegħu, sempliċiment għax hi l-ħabiba tiegħu. U mbagħad, għax xi ħadd ġibed l-attenzjoni, Clayton Bartolo kkonfoffa minn wara dahar il-poplu ma’ sieħbu Clint Camilleri biex jivvintalha impjieg fantażma ta’ konsulenza biex huma jkunu kuntenti imma x-xogħol ma jsirx għax mhix kompetenti.

Għaldaqstant, tenna Bernard Grech, il-poplu għadu qed jitlob għar-riżenja ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri apparti li jrid li min iffroda, irodd lura l-flus li seraq.

Il-poplu Malti qed jitlob ukoll li Robert Abela jwieġeb għall-għemil tiegħu u ta’ sħabu.

14.11.2024