Iż-żieda allarmanti fil-popolazzjoni ta’ ġrieden jeħtieġ li tkun indirizzata b’ mod immedjat

Rapporti li qed jidhru b’ mod regolari fuq diversi mezzi tal-media jiddeskrivu kif diversi bdiewa madwar Malta qed jaffaċċjaw problema qawwija ta’ invażjoni ta’ ġrieden. Dan qed iwassal għal impatt negattiv konsiderevoli fuq il-frott u l-ħxejjex imkabbrin minnhom, hekk kif il-popolazzjoni ta’ ġrieden qegħda tiekol kontinwament minnhom.
L-istess bdiewa irrimarkaw ukoll li servizzi ta’ mitigazzjoni tal-popolazzjoni tal-ġrieden li kienu jkunu offruti mid-Dipartimenti tas-Sanità u tal-Agrikoltura, issa m’għadhomx fis-seħħ.
Din hi problema li jeħtieġ li tkun indirizzata llum qabel għada għax qed tħalli konsegwenzi serji warajha. L-awtoritajiet responsabbli għandhom l-ewwelnett jevalwaw x’qed iwassal għal din iż-żieda drastika fil-popolazzjoni tal-ġrieden u mbagħad jieħdu l-passi meħtieġa biex nerġgħu lura għal ċirkostanzi normali.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li hu essenzjali wkoll li dan iseħħ b’konsultazzjoni sħiħa ma’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur.
Toni Bezzina
Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd
05.09.2023
Posted Under: Uncategorized