Jagħlaq il-perjodu tal-espressjoni tal-interess fil-kariga ta’ Kap tal-PN
AĦBAR

Jagħlaq il-perjodu tal-espressjoni tal-interess fil-kariga ta’ Kap tal-PN

Wara li għalaq il-perjodu llum fis-6pm, issa l-Kummissjoni Kandidati tal-PN tiffinalizza l-proċess ta’ verifika dwar id-dikjarazzjoni mressqa minn Alex Borg.

Wara li għalaq il-perjodu llum fis-6pm, issa l-Kummissjoni Kandidati tal-PN tiffinalizza l-proċess ta’ verifika dwar id-dikjarazzjoni mressqa minn Alex Borg

Hekk kif illum fis-6pm għalaq il-perjodu li matulu setgħu jippreżentaw id-dikjarazzjoni tal-interess tagħhom kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista; il-Kumissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN tħabbar li l-unika espressjoni ta’ interess li rċeviet għal din il-kariga hija dik ta’ Alex Borg.

Kif jistipula Artiklu 90a tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, is-sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal din il-kariga kienet miftuħa għal sebat ijiem. Fetħet nhar l-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2026 u għalqet illum. Dan il-proċess beda wara li bħal-lum ġimgħa l-Kunsill Ġenerali tal-PN nieda l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Wara li l-Kummissjoni Elettorali tal-PN irċeviet il-formola tad-dikjarazzjoni tal-interess mingħand Alex Borg, kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, infurmat lill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista li min-naħa tagħha issa tagħmel il-verifiki meħtieġa.

Wara li jintemm dan il-proċess ta’ due diligence, il-Kummissjoni Kandidati tibgħat ir-rapport tagħha lill-Kunsill Amministrattiv tal-PN u lill-Kummissjoni Elettorali b’dikjarazzjoni dwar jekk il-membru li esprima l-interess tiegħu jissodisfax il-kriterji tal-verifika.

Wara, fi żmien tlett ijiem, il-Kummissjoni Elettorali tiftaħ uffiċjalment in-nomini għal din il-kariga għal perjodu ta’ ħamest ijiem. F’dan il-perjodu jkun jista’ jitfa’ n-nomina biss min ikun esprima l-interess tiegħu u għadda mil-proċess ta’ due diligence.

Mario Callus
Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN

01.07.2026