Jeħtieġ investiment kbir fil-Korp tal-Pulizija biex insaħħu s-sigurtà f’pajjiżna
Il-Gvern ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh dwar il-ftehim kollettiv
Is-sigurtà f’pajjiżna qiegħda tkompli tiġi mhedda hekk kif l-inċidenti vjolenti u inċidenti traġiċi qed dejjem ikomplu jiżdiedu.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jtenni li għandna Korp tal-Pulizija li huwa “overworked, overstretched and definitely not overpaid”.
Huwa indispensabbli li l-ftehim kollettiv li ilu jiġi diskuss jiġi finalment konkluż u li joffri inċentivi tabilħaqq b’saħħithom biex it-tnaqqis ta’ persuni fil-Korp tal-Pulizija jieqaf u jiżdiedu n-numru ta’ persuni li jagħżlu li jidħlu fil-Korp.
Bosta kienu l-proposti li ressaqna l-quddiem, fosthom li l-Pulizija jieħdu l-pensjoni kollha, u mhux dak li offra l-Gvern ta’ Abela, anki jekk jibqgħu jaħdmu bħala Pulizija minkejja li jkunu għalqu l-25 sena servizz.
Jeħtieġ ukoll li l-kritika li ssir, tkun kostruttiva, u li l-Gvern jagħti widen għaliha u jaġixxi biex jindirizza n-nuqqasijiet serji li hawn fl-infurzar tal-Liġijiet.
L-esperjenza tgħallem illi bla dixxiplina kulħadd jibda jħoss li jista’ jagħmel li jrid u b’hekk s-sigurtà ta’ kull wieħed u waħda qed tiddgħajjef.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti biex il-Gvern jieħu dan is-settur bis-serjetà.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika li sservi għal ħajja aħjar f’pajjiżna.
Joe Giglio
Kelliem għall-Intern
02.09.2023