Jiftaħ il-perjodu għall-espressjoni tal-interess fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tħabbar li qed tilqa’ espressjonijiet tal-interess minn kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN kif jipprovdi l-Istatut.
Wara li l-Kunsill Ġenerali tal-PN illejla nieda l-proċess ta’ elezzjoni ta’ Kap tal-Partit, il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tilqa’ d-dikjarazzjonijiet tal-interess sal-Erbgħa l-1 ta’ Lulju 2026
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tħabbar li qed tilqa’ espressjonijiet tal-interess minn kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN kif jipprovdi l-Istatut.
Dan wara li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista llejla nieda l-proċess biex jaħtar lill-Kap tal-Partit wara l-elezzjoni ġenerali li saret fit-30 ta’ Mejju.
Skont il-provvedimenti tal-Istatut tal-PN, għalhekk, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN qed tiftaħ dan il-perjodu li matulu qed titlob dikjarazzjonijiet ta’ interess minn membri tal-Partit Nazzjonalista. Għal din il-kariga jistgħu jikkontestaw biss membri tal-Partit Nazzjonalista bit-tessera mħallsa skont il-provvedimenti tal-Istatut tal-PN.
Kif jistipula l-istess Statut, din is-sejħa għall-espressjoni tal-interess minn kandidati prospettivi se tibqa’ miftuħa għal sebat ijiem. Dan ifisser li d-dikjarazzjonijiet mill-kandidati interessati għandhom jaslu għand iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali sal-Erbgħa l-1 ta’ Lulju 2026 fis-6pm.
Id-dikjarazzjoni ta’ interess għandha ssir fuq formola apposta li tista’ tintalab lill-Kummissjoni Elettorali permezz ta’ email fuq [email protected].
Il-formola għandha tiġi sottomessa bl-idejn lill-Kummissjoni Elettorali skont kif imniżżel fl-istess formola. Kull membru li jissottometti l-formola se jingħata riċevuta.
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN se tkun qed tikkomunika minnufih b’mod pubbliku l-ismijiet ta’ dawk li jkunu esprimew l-interess tagħhom, permezz ta’ stqarrija għall-media ma’ kull dikjarazzjoni li tidħol matul il-jiem li ġejjin.
Mario Callus
Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN
24.06.2026