Jivvutaw 86% fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista
Il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN tagħlaq illejla bl-għadd tal-voti, it-tħabbir tar-riżultat u l-ewwel diskors tal-Kap il-ġdid
Il-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN tagħlaq illejla bl-għadd tal-voti, it-tħabbir tar-riżultat u l-ewwel diskors tal-Kap il-ġdid
l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tħabbar li fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista vvutaw b’kollox 86% tat-tesserati eliġibbli.
Votanti eliġibbli: 20,795
Voti mitfugħa: 17,862
Persentaġġ: 85.9%
Il-votazzjoni tal-lum, f’jum l-elezzjoni, issegwi l-votazzjoni bikrija li saret nhar l-Erbgħa 27 ta’ Awwissu u nhar is-Sibt 30 ta’ Awwissu. Il-persentaġġ ta’ 86% jirrappreżenta t-total ta’ tesserati li vvutaw matul dawn it-tlett ijiem, jiġifieri f’jum l-elezzjoni propju llum u fl-ewwel jumejn ta’ votazzjoni bikrija.

Illum, it-tesserati bid-dritt tal-vot setgħu jitfgħu l-vot tagħhom bejn id-9am u s-7pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u l-Każini tal-PN f’Ħal Safi, Ħal Tarxien u l-Imġarr f’Malta, u bejn id-9am u l-5pm fis-Sub Hdqs tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex.
L-Elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qed tkun ikkontestata mill-kandidati Alex Borg u Adrian Delia.
Wara li għalqet il-votazzjoni, issa tkompli l-Konvenzjoni Ġenerali tal-PN, bis-sessjoni tal-għeluq tibda wara li jintemm l-għadd tal-voti u jitħabbar ir-riżultat.
NET Television se jkun qed ixandar dirett dan il-proċess kif ukoll id-diskorsi li bihom tagħlaq il-Konvenzjoni tat-tesserati, fosthom l-ewwel diskors tal-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista li se jiġi elett illejla.
Mario Callus
Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN
