Malta tilfet pilastru importanti fil-governanza t-tajba
Waqt seduta lbieraħ tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, jekk qatt kien hemm bżonn konferma, ħareġ biċ-ċar kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun meta vvutat kontra l-għażla ta’ Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Waqt sensiela ta’ domandi magħmula mill-membri tal-Oppożizzjoni Ryan Callus u Mark Anthony Sammut, ħareġ biċ-ċar kemm il-Kummissarju għall-Istandards naqas milli jinvestiga diversi punti ta’ importanza kbira fl-investigazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel l-eks Segretarju Parlamentari Michael Farrugia dwar il-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech ġewwa Kastilja, fl-istess ġurnata li bagħat ittra lill-Awtorita tal-Ippjanar sabiex l-Imrieħel jiġi inkluż fil-policy dwar bini għoli.
Il-Kummissarju għall-Istandards injora u naqas f’dawn l-istanzi kollha:
1. L-eks Segretarju Parlamentari Michael Farrugia sostna li fil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech fil-preżenza ta’ Johann Buttigieg, ma ddiskutewx il-policy tal-high-rise. Johann Buttigieg ukoll qal li fl-ebda punt ma ddisukutew il-high-rise. Il-Kummissarju qagħad fuqhom u ma ħassx li kellu jibgħat għax-xhud l-ieħor ta’ dik il-laqgħa, Yorgen Fenech.
2. Meta mistoqsi għalfejn, il-Kummissarju għall-Istandards wieġeb li ma bagħatx għalih għax fil-mument għaddej proċeduri kriminali u allura kieku hu kien l-avukat tiegħu kien itih parir biex ma jitkellimx.
3. Fix-xhieda ta’ Johann Buttigieg intqal li kien hemm nies oħra preżenti, fosthom periti ta’ Yorgen Fenech u probabbli anke s-Segretarja ta’ l-eks Segretarju Parlamentari li “jista’ jkun li kienet qed tieħu l-minuti”. Meta mistoqsi dwar jekk staqsiex min kienu dawn in-nies, u jekk bagħatx tal-inqas għas-Segretarja tal-eks Segretarju Parlamentari, il-Kummissarju għall-Istandards qal li ma ħassx li kien hemm il-bżonn.
4. Meta mistoqsi jekk talabx kopja tal-minuti li setgħet ħadet is-Segretarja, il-Kummissarju għall-Istandards sostna li ma ħassx li kellu bżonn jitlobhom.
5. Johann Buttigieg sostna li f’dak il-perjodu, kienu qed jiltaqgħu ma’ diversi operaturi interessati fir-reklamazzjoni tal-art. Meta l-Kummissarju għall-Istandards ġie mistoqsi jekk ivverifikax li dawn il-laqgħat saru biex jassikura li Buttigieg qed jgħid il-verita’, huwa wieġeb li ma vverifikax.
6. Il-Kummissarju għall-Istandards ġie mistoqsi wkoll ivverifikax b’liema mod intbagħtet l-ittra lill-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar fejn ingħatat struzzjoni biex l-Imrieħel jiddaħħal fil-policy tal-bini għoli, u fi xħin intbagħtet, il-Kummissarju wieġeb li jidher li din inbagħtet b’messaġġier imma sostna li ma qagħadx jinvestiga l-ħin biex jara jekk din intbagħtitx wara l-laqgħa ma’ Fenech.
Għaldaqstant, l-investigazzjoni f’dan il-każ jidher li naqset bil-kbir milli tivverifika l-fatti u l-allegazzjonijiet madwar ir-raġuni għala saret din il-laqgħa u jekk Michael Farrugia qalx il-verita’ kollha meta mistoqsi dwarha. Għall-Oppożizzjoni dan huwa konferma kemm Joseph Azzopardi ma kellu qatt ikun Kummissarju għall-Istandards.
Malta tilfet pilastru importanti fil-governanza t-tajba. Mhux ta’ b’xejn li Robert Abela tant webbes rasu biex jaħtar lil Azzopardi li neħħa ż-żewġ terzi fl-għażla tal-Kummissarju għall-Istandards.
Għandna Kummissarju għall-Istandards li jew jaħsel idu u jagħżel li ma jinvestigax, jew taparsi jinvestiga mingħajr ma jidħol fid-dettall kif inhu obbligat bil-ligi li jagħmel.
Ryan Callus
Membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubbika
Mark Anthony Sammut
Membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubbika
09.09.2023