L-AKBAR FRODI: Ktieb ġdid dwar l-iskandlu tal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals u Steward minn Joseph Muscat u Robert Abela
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar fuq il-media soċjali l-pubblikazzjoni ta’ ktieb ġdid dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil Vitals u Steward minn Joseph Muscat u Robert Abela.
Il-ktieb jinkludi messaġġ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u kontribuzzjonijiet minn Adrian Delia, Simon Busuttil, Stephen Spiteri u Edward Debono. F’dan il-ktieb huma ppubblikati wkoll id-dettalji ġurnata b’ġurnata mill-2013 sal-lum dwar kif it-tliet sptarijiet pubbliċi inbiegħu lil Vitals u Steward. L-Editur ta’ dan il-ktieb ġdid hu Karol Aquilina.
Il-ktieb jinkludi wkoll, b’mod sħiħ, is-sentenza li ngħatat mill-Imħallef Francesco Depasquale fl-24 ta’ Frar li għadda kif ukoll għadd kbir ta’ ritratti u dokumenti marbutin mal-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals u Steward u l-involviment tal-Ministru Chris Fearne, l-eks Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna, kif ukoll l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Il-ktieb se jkun jista’ jinkiseb matul il-protesta li l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza t-Tnejn li ġej u mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista mill-għada t-Tlieta, 2 ta’ Mejju.
Wieħed jista’ jordna l-kopja tiegħu tal-ktieb għal donazzjoni ta’ €25:
– Bil-BOV Mobile fuq in-numru 7710 5905 (importanti li wieħed jinkludi n-numru tal-Karta tal-Identità tiegħu u l-isem tal-ktieb fid-dettalji tal-pagament);
– B’donazzjoni online mis-sit tal-Partit Nazzjonalista, fl-indirizz pn.org.mt/donazzjoni;
– B’donazzjoni fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
27.04.2023