L-AŻAD għandha rwol importanti x’taqdi fit-tisħiħ tad-demokrazija u fit-tfassil tal-futur ta’ Malta
Alex Borg ħabbar tliet inizjattivi ġodda tal-AŻAD: ħidma strateġika dwar il-futur tal-familja Ewropea tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-perjodu 2026-2031, riċerka dwar l-esperjenza tad-Demokrazija Kristjana fl-iżgħar Stati Membri tal-UE u diskussjoni dwar il-pożizzjoni strateġika tal-Ewropa f’dinja li qed tinbidel.
Imfakkar il-50 anniversarju tal-AŻAD b’attività fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta
L-AŻAD għandha rwol importanti u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jappoġġjaha biex tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha fl-edukazzjoni, fir-riċerka, fit-taħriġ politiku u fid-djalogu pubbliku. U għax għandha rwol x’taqdi fit-tisħiħ tad-demokrazija u fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna, irridu nkomplu naraw li jkollha rwol aktar ambizzjuż b’parteċipazzjoni attiva wkoll fir-reġjun Ewro-Mediterranju.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt serata kommemorattiva li saret ilbieraħ filgħaxija biex tfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-AŻAD – attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.
F’messaġġ ta’ merħba, l-Eċċellenza Tagħha qalet li soċjetà msejsa fuq valuri demokratiċi ma tistax tkun dejjiema u soda jekk ma tkunx imbenna kontinwament minn qafas ta’ ambjent demokratiku li jkun mibni fuq kwalitajiet ta’ dixxerniment, ħsieb liberu u ħieles, u fuq kollox analiżi kritika li kull ċittadin għandu jkollu l-opportunità jiżviluppa u jillima.
F’dan il-kuntest, il-President fakkret fil-viżjoni tal-ewwel President tal-AŻAD, il-President Emeritu Ċensu Tabone, li l-AŻAD tkun akkademja li toffri taħriġ biex pajjiżna jkollu nisa u rġiel li jkunu gwardjani ċiviċi tal-mixja demokratika tas-soċjetà tagħna. Waqt li faħħret il-kontribut li tat l-AŻAD f’dan ir-rigward, hi awgurat li din tkompli tissaħħaħ fl-impenn tagħha li tixpruna ambjent demokratiku f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, fid-diskors tiegħu waqt is-serata, il-Kap tal-PN Alex Borg sostna li demokrazija b’saħħitha teħtieġ ċittadini infurmati, mexxejja mħarrġa u istituzzjonijiet li kontinwament jevolvu. Tenna li l-AŻAD għandha tkun aktar minn istituzzjoni li tirrifletti fuq il-passat, iżda waħda li tgħin biex jitfassal il-futur.
F’dan il-kuntest, Alex Borg ħabbar tliet inizjattivi ġodda tal-AŻAD: ħidma strateġika dwar il-futur tal-familja Ewropea tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-perjodu 2026-2031, riċerka dwar l-esperjenza tad-Demokrazija Kristjana fl-iżgħar Stati Membri tal-UE u diskussjoni dwar il-pożizzjoni strateġika tal-Ewropa f’dinja li qed tinbidel.
Il-Kap tal-PN enfasizza wkoll l-importanza tal-investiment fil-bniedem, fosthom permezz ta’ programmi bħal Future Leaders, anke grazzi għall-Fondazzjoni Konrad Adenauer li għal ħafna snin uriet impenn konkret lejn il-formazzjoni ta’ mexxejja politiċi ġodda f’Malta, it-taħriġ għall-kunsillieri lokali u anke inizjattivi biex aktar żgħażagħ u nisa jkollhom rwol attiv fil-ħajja pubblika.
Alex Borg sostna li Malta għandha tuża l-pożizzjoni ġeografika tagħha fiċ-ċentru tal-Mediterran bħala opportunità biex tkun pont bejn l-Ewropa u l-Mediterran, kif ukoll biex tagħti kontribut akbar fid-diskussjoni Ewropea.
Hu rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom lill-AŻAD matul dawn il-50 sena u awgura li l-AŻAD tkompli tkun spazju għall-għarfien, id-djalogu u l-formazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja.
F’diskors qasir, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione sostna li l-missjoni li għaliha nħolqot l-AŻAD fl-1976 – biex tiżgura ambjent ta’ ħarsien tad-demokrazija fir-rispett tal-libertajiet, il-pluraliżmu, is-saltna tad-dritt u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet – għadha rilevanti sal-lum, anzi saret aktar rilevanti llum aktar minn qatt qabel. Hu qal li l-fiduċja fl-istituzzjonijiet ma tinbeniex bil-kliem, imma billi verament inkunu impenjati favur pajjiż demokratiku bil-fatti. F’dan il-kuntest, il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-AŻAD m’għandux ikun biss ċelebrazzjoni tal-passat imma wkoll sejħa għall-futur dwar x’tip ta’ demokrazija rridu nħallu lil ta’ warajna.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li dawn il-50 sena huma ħafna aktar minn anniversarju – huma storja ta’ impenn, ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u fuq kollox ta’ twemmin qawwi fid-demokrazija. Hu qal li għall-AŻAD, l-edukazzjoni politika qatt ma kienet sempliċiment it-tagħlim tal-politika imma kienet u għadha għodda biex inħejju ċittadini aktar konxji u mexxejja aktar responsabbli u ta’ valuri li għalihom il-politika tfisser li tagħti kollox mingħajr ma tistenna xejn lura. Charles Bonello qal li l-akbar wirt tal-AŻAD jinsab fin-nies li ffurmat u l-50 sena mit-twaqqif tagħha għandhom ikunu punt tat-tluq għal kapitlu ġdid fejn l-AŻAD tkompli tpoġġi lil Malta fiċ-ċentru tad-diskussjoni Ewropea dwar il-futur tad-demokrazija u l-Mediterran, is-sigurtà u l-evolviment tal-UE u t-tisħiħ ta’ post Malta f’Ewropa li qed tinbidel.
Għadda wkoll messaġġ il-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD Roderick Agius li ddeskriva dan l-anniversarju bħala 50 sena ta’ twemmin fil-bniedem, fil-politika bħal servizz, u fl-edukazzjoni bħala pedament ta’ tmexxija tajba. Is-CEO tal-AŻAD qal li din il-missjoni qed titkompla b’investiment konkret fin-nies permezz tal-programmi u inizjattivi diversi ta’ taħriġ tal-AŻAD li jgħinu biex persuna tkun mhux biss politiku aħjar, imma ċittadin u mexxej aħjar. Hu semma wkoll il-perspettiva Ewropea u internazzjonali tal-AŻAD grazzi għall-kollaborazzjoni attiva ma’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Konrad Adenaur u ċ-Ċentru ta’ Riċerka tal-PPE Wilfried Martens Centre li qed jassistu lill-AŻAD biex jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ politiku, fil-ħajja pubblika u għaż-żgħażagħ.
Wara li saru tliet diskorsi qosra oħra mit-tliet żgħażagħ Nicole Portelli, Luke Vella u Kirsty Micallef, fi tmiem is-serata kienu ppreżentati b’tifkiriet tal-okkażjoni il-Presidenti u l-Amministraturi li kellha l-AŻAD f’dawn il-50 sena li ilha mwaqqfa.
10.09.2026









